Tikber il-pressjoni biex Alex Dalli jitneħħa immedjatament minn Direttur tal-ħabs
Dik ta' dalgħodu kienet l-erbatax-il mewta fi żmien it-tmexxija ta' Alex Dalli
minn Yendrick Cioffi
Wara mewta oħra li seħħet matul il-lejl li għadda f'Kordin, l-erbatax-il waħda fi żmien it-tmexxija ta' Alex Dalli, kompliet tikber il-pressjoni biex Dalli jitneħħa minnufih minn Direttur tal-ħabs.
Ta' min ifakkar li bħalissa, il-Pulizija qed tinvestiga l-istorja li ppubblikat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li d-Direttur tal-ħabs Alex Dalli, allegatament, ġieli hedded priġunieri b'arma tan-nar. Ikkonferma dan l-eks gwardjan Emmanuel Cassar.
"Dalli għandu jitlaq u l-Ministru għandu jerfa' r-responsabbilità'
Il-Moviment Graffitti, filwaqt li wera s-sogħba u r-rabja tiegħu li ntilfet ħajja oħra f'Kordin, saħaq li Dalli għandu jitneħħa minnufih u insista wkoll li anke l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri għandu jerfa' r-responsabbilità tiegħu.
"Id-direttur tal-ħabs Alexander Dalli għandu jitkeċċa immedjatament, filwaqt li l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, li jibqa’ jiddefendi lil Dalli minkejja r-rata mgħaġġla ta’ mwiet fil-ħabs, għandu jieħu r-responsabbiltà politika ta’ dan kollu," saħaq il-Moviment Graffitti. "Dik li suppost hija faċilità korrettiva u riabilitattiva issa saret post il-mewt u t-terrur."
Il-Moviment Graffitti saħaq li żmien il-paroli spiċċa u għalhekk se jkun qed iħabbar azzjonijiet oħra fil-jiem li ġejjin.
"Tistennewx li tintemm inkjesta ... Dalli għandu jitkeċċa'
Immedjata kienet ukoll ir-reazzjoni tal-Fondazzjoni Aditus.
Insistiet li Alex Dalli għandu jitneħħa immedjatament.
Saħqet li l-Ministru ma jistax jistenna aktar il-konklużjoni ta' inkjesta oħra mingħajr ma jkun l-ebda sospensjoni jew inkella riżenja.
"Għandu jitneħħa b'effett immedjat mill-Ministru Byron Camilleri," saħqet il-Fondazzjoni.
'Ir-riżenja ta’ Byron Camilleri issa hi meħtieġa'
Anke l-organizzazzjoni Repubblika sejħet mhux biss għar-riżenja ta' Alex Dalli imma anke għar-riżenja "immedjata" tal-Ministru Byron Camilleri.
Repubblika saħqet li l-metodi ta' Dalli, l-imġieba tiegħu, u d-“dixxiplina” biex inissel biża; fil-priġunieri, huma il-kawża ta’ mewt oħra fil-ħabs illum.
"Xbajna nisimgħu skużi. Nifhmu li xi suwiċidji jistgħu jiġru minkejja kull sforz li jkunu evitati. U nafu li ċ-ċirkostanzi tal-mewt li tħabbret illum għadhom mhux magħrufa. Iżda waqt li nirrikonoxxu dan kollu, irid jingħad li qatt fil-memorja ta’ pajjiżna ma seħħew tant imwiet qabel waqthom fil-ħabs fi żmien daqshekk qasir. Dawn ir-rati ta’ mwiet huma inaċċettabbli fi kwalunkwe ħabs f’demokrazija," insistiet l-organizzazzjoni.
Akkużaw lil Dalli li "juri tendenzi militaristiċi u proto-faxxisti f’imġiebtu, f’għemilu u fi kliemu."
Insitiet li ll-ħabs għandu jitmexxa skont normi aċċettati f’demokraziji ċivili oħra min-nies imħarrġa apposta f’dan il-qasam.
"Id-difiża politika ta’ Alex Dalli m’għadhiex tenibbli. Il-Ministru Byron Camilleri għandu jassumi responsabbiltà politika għall-ostinità tiegħu li qed tiswa l-ħajja ta’ aktar u aktar nies fdati f’idejn l-Istat. Ir-riżenja ta’ Byron Camilleri issa hi meħtieġa," temmet tgħid l-istqarrija.
Il-gazzetta ILLUM b'appell: 'Niġġieldu l-ħniżrijiet f'Kordin'
Alex Dalli u Randolph Spiteri, l-Assistent tiegħu, qed jippruvaw jagħlqu ħalq il-gazzetta ILLUM b'libell. Dawn jiswew il-flus. L-edituri u l-ġurnalisti għandhom bżonn is-sostenn tagħkom. Din mhijiex biss ġlieda tal-gazzetta ILLUM imma hija ġlieda favur id-dinjità umana u kontra l-ħniżrijiet li għaddejin f'Kordin. Ibgħatu d-donazzjonijiet tagħkom lill-gazzetta ILLUM. Tistgħu tagħmlu dan permezz ta' trasferiment fil-kont b'dawn id-dettalji:
Benefiċjarju: MediaToday Company Ltd
Bank: Bank of Valletta p.l.c.
SWIFT Code: VALLMTMT
IBAN: MT71VALL22013000000040013525383
jew inkella permezz ta' ċekk, indirizzat lil MediaToday Ltd, fuq dan l-indirizz: Mediatoday Ltd. Vjal ir-Rihan San Gwann, SGN9016.
Il-gazzetta ILLUM għaddejja wkoll b’kampanja illi permezz tagħha qed titlob lin-nies; lil dawk li kienu l-ħabs, lil dawk li għandhom xi ħadd jiġi minnhom li jinsab jew li jaħdem fil-Ħabs jew inkella lil dawk li jaħdmu mal-priġunieri jew inkella l-priġunieri infushom, biex jitkellmu dwar esperjenzi li għaddew minnhom jew li raw fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Il-vuċi tagħkom magħna tista' tbiddel l-affarijiet, fejn dawn mhux qed isiru sew! Għalhekk nistednukom biex tibgħatu email fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella iċċemplu fuq in-numru 21382741/ 3 jew 21382745 / 6.
L-identità tagħkom tibqa' waħda kunfidenzjali jekk intom titolbu għal dan.