Matthew Caruana Galizia llum xehed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-irġiel akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil ommu, fis-16 ta' Ottubru tal-2017.
Caruana Galizia rrakkonta kif waqt li kien qed jiġri lejn il-karozza ta’ ommu, innota biċċiet minn ġisimha fit-triq fejn ħadet il-bomba.
Matthew kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Adrian u Robert Agius, magħrufa bħala Tal-Maksar u seħibhom Jamie Vella u anke George Degiorgio.
Robert Agius u Jamie Vella qed ikunu akkużati bħala dawk li ħadmu l-bomba li qatlet lil Daphne, filwaqt li Degiorgio qed jiffaċċja proċeduri separati fuq il-każ.
Adrian Agius qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Vella u Degiorgio huma akkużati li wettqu dan l-omiċidju.
Caruana Galizia tenna li fi żmien li Daphne nqatlet, hi kienet qed taħdem fuq informazzjoni li kellha f’idha dwar il-proġett tal-Electorgas.
Qal li ommu kienet taħt ħafna pressjoni imma saħaq li din kienet saret parti minn ħajjitha.
Insista li dakinhar li nqatlet kienet ġurnata bħall-oħrajn u kienet qed tinkwieta li kienet se tkun tard għal appuntament li kellha l-bank, hekk kif il-kontijiet tagħha kienu ffriżati fuq talba ta’ Chris Cardona (dak iż-żmien Ministru) li kien fetaħ proċeduri kontriha.
Matthew Caruana Galizia qal li huwa u jiġri n-niżla biex jilħaq il-karozza, innota sieq mal-art u saħaq li minnufih induna li kienet ta’ ommu.
Saħaq li l-ħorn tal-karozza kien qed idoqq u kien hemm mara, b’tifel qed jibki u kien talabha ċċempel lill-Pulizija.
Il-każ ikompli.