Aktar pajjiżi madwar l-Ewropa sabu każi tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19, liema varjant tlaqqam Omicron.
Anke jekk l-informazzjoni dwaru għadha skarsa, s’issa jidher li jinxtered aktar malajr mill-varjant Delta, iżda s-sintomi tiegħu mhumiex severi. Qed jingħad li l-vaċċin jista' jkun inqas effettiv kontrih, iżda dwar dan għad iridu aktar studji.
L-aħħar pajjiżi li qalu li sabu każi ta’ dan il-varjant kienu l-Iskozja, fejn instabu sitt każi u anke l-Olanda, fejn instabu 13-il każ.
Ħafna pajjiżi Ewropej, inkluż id-Danimarka, il-Ġermanja, iċ-Ċekja, l-Italja u l-Belġju wkoll qalu li sabu każi tal-varjant.
Il-Ministru għas-Saħħa Franċiż Olivier Veran saħaq li anke jekk fi Franza għadhom ma nstabux każi, il-probabbilità kbira li diġà daħal u qed jinfirex.
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen qalet li l-ġlieda kontra dan il-varjant hija “ġirja kontra l-ħin.”
L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, saħqet li dan il-varjant jaf jikkawża “riskju għoli” madwar id-dinja.
Appellat lill-pajjiżi biex jassiguraw li jkun hemm pjanijiet ta’ mitigazzjoni u anke biex ikun hemm is-servizzi tas-saħħa kollha disponibbli f’każ li jkun hemm żieda fil-każi ta’ pazjenti li jkollhom bżonn li jingħataw kura fl-isptar.
Malta u diversi pajjiżi oħra daħlu fis-seħħ restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar mill-Afrika ta’ Isfel u anke minn pajjiżi oħra fejn dan il-varjant qed jinfirex.