Daren Debono t-Topo se jixhed kontra l-Koħħu nhar il-Ġimgħa

Debono ammetta li kien involut fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri ġenerali tal-HSBC 

Daren Debono, li ftit tal-ġimgħat ilu ammetta li kien involut fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri ġenerali tal-HSBC, se jkun qed jixhed kontra Vince Muscat, il-Koħħu, li huwa wkoll akkużat b’dan ir-reat.

Debono, magħruf bħala ‘it-Topo’ se jkun qed jixhed minnufih hekk kif joħroġ mill-kwarantina.

Huwa aċċetta li jixhed bħala parti minn patteġġjament li sar fejn hu wieġeb ħati u ngħata sentenza ta’ 10 snin ħabs. Dakinhar tas-serqa, kienu sparati diversi tiri lejn uffiċjali tal-Pulizija li laħqu waslu fuq il-post.

Fil-fatt, l-akkuża ta’ attentat ta’ omiċidju, minħabba s-60 tir sparat, inbidlet u minflok ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq uffiċjali tal-Pulizija.

Huwa kellu jixhed ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Monica Vella hekk kif reġgħet infetħet il-kumpilazzjoni kontra Muscat li kien se jibda jgħaddi ġuri.

Madanakollu, ix-xhieda ta’ Debono kellha tkun posposta minħabba li hu jinsab fi kwarantina hekk kif ġie f’kuntatt ma’ persuna pożittiva bil-Covid-19.

Id-deċiżjoni dwar il-patteġġjament waslet għall-kritika kbira fil-konfront tal-Avukat Ġenerali, b’waħda mill-unjins tal-Pulizija tisħaq li dan juri nuqqas ta’ rispett u apprezzament lejn ix-xogħol perikoluż li jwettqu l-uffiċjali. 

Hemm ukoll tħassib dwar il-kredibbilità ta’ Debono hekk kif hu kien instab ħati li gideb taħt ġurament.

More in Politika