In-Nunzju Appostoliku Alessandro D'Errico se jtemm il-missjoni tiegħu f'Malta

L-Arċisqof Alessandro D'Errico serva f'Malta għal dawn l-aħħar erba' snin u nofs

In-Nunzju Appostoliku, l-Arċisqof Alessandro D'Errico, ħabbar li se jkun qed itemm il-missjoni tiegħu f'Malta u fil-Libja fil-ġimgħat li ġejjin.

Huwa ħabbar dan ftit tal-ħin ilu fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook.

L-Arċisqof D'Errico, qal li se jkun qed itemm il-missjoni tiegħu f'Malta u l-Libja qabel l-Għid il-Kbir, jiġifieri fil-bidu ta' April biex imbagħad ikun jista' jiddedika ftit tal-ħin għal affarijiet personali.

In-Nunzju Appostoliku, li serva f'Malta għal dawn l-aħħar erba' snin u nofs, qal li ħa din id-deċiżjoni anke għax in-Nunzji jingħataw il-possibbilità li jirtiraw fl-età ta' 70 sena u mhux fl-età ta' 75 sena bħall-Isqfijiet.

Anke jekk dan ma jfissirx li awtomatikament iridu jtemmu l-kariga tagħhom malli jagħlu 70 sena, l-Arċisqof D'Errico saħaq li ħass li kellu jtemm il-kariga tiegħu issa, qabel ma saħħtu ma tippermettilux aktar li jkompli jaqdi din il-missjoni tiegħu. Fost oħrajn, huwa jsemmi l-kundizzjoni tas-smigħ li jbati minnha.

Huwa temm jirringrazzja lil dawk kollha li kienu viċin tiegħu fl-aħħar snin u anke lil dawk kollha li akkumpanjawh matul il-missjoni tiegħu f'Malta.

Min hu n-Nunzju Appostoliku?

Mons. Alessandro D’Errico twieled f’Frattamaggiore f’Napli l-Italja, fit-18 ta’ Novembru 1950. Ġie ordnat saċerdot fl-24 ta’ Marzu 1974 u ħadem fid-Djoċesi ta’ Aversa. Għandu Dottorat fil-Filosofija.

Huwa studja fl-Akkademja Pontifiċja Ekklesjastika f’Ruma u ngħaqad mas-Servizz Diplomatiku tas-Santa Sede fil-5 ta’ Marzu fl-1977. Serva fin-Nunzjatura tat-Tajlandja, l-Brażil u l-Greċja. Wara serva fil-Prefettura della Casa Pontificia, u wara kien rappreżentant tal-Papa fl-Italja u l-Polonja.

Fl-14 ta’ Novembru tal-1998 inħatar Arċisqof Titulari ta’ Carini u Nunzju Appostoliku fil-Pakistan. Fil-21 ta’ Novembru 2005 nħatar Nunzju fil-Bożnija-Ħerzegovina. Fis-17 ta’ Frar 2010 nħatar Nunzju fil-Montenegro. Fil-21 ta’ Mejju 2012 nħatar Nunzju fil-Kroazja.

Bħala rappreżentant tal-Papa, in-Nunzju Appostoliku għandu r-responsabilità li jirrappreżentah mal-Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll mal-awtoritajiet ċivili.

Huwa wkoll id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għar-Repubblika ta’ Malta.

More in Politika