Imut Silvio Zammit, in-negozjant fil-qalba tal-każ ta' tixħim kontra John Dalli

Għal snin twal Zammit kien kanvasser tal-eks Ministru Nazzjonalista John Dalli

Matul il-lejl li għadda tħabbret il-mewt ta’ Silvio Zammit, eks Viċi Sindku ta’ Tas-Sliema.

Zammit, negozjant ta’ 57 sena, kien akkużat dwar tixħim f'negozjati li trattaw il-leġiżlazzjoni tas-snus, li huwa tip ta' tabakk.

Zammit allegatament talab li jixxaħħam biex jinfluwenza tibdil fil-liġijiet Ewropej tat-tabakk, hekk kif John Dalli dak iż-żmien kien Kummissarju Ewropew għas-Saħħa. 

Għal snin twal Zammit kien kanvasser tal-eks Ministru Nazzjonalista John Dalli.

Fost oħrajn, Zammit huwa magħruf għar-ristoranti tiegħu fosthom wieħed f’Tas-Sliema, imsemmi għal missieru Peppi ‘tal-Imqaret.’

Kien intqal li kien f’dan ir-ristorant fejn prova jixxaħħam b'valur ta' €60 miljun mill-kumpanija Zvediża 'Swedish Match' kif ukoll mingħand il-lobby ETSOC li jippromovi l-industrija ta' 'Smokeless Tobacco', bil-premessa li jinfluwenza bidliet fil-leġizlazzjoni dwar l-isnus. 

Zammit kien ressaq lill-ETSOC quddiem il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta Belġjana minħabba dak li qal illi kien ksur ta' privatezza wara l-ippublikar ta' recording illi fih jinstema' hu.

Lilhinn minn dan, Zammit huwa magħruf ħafna f'Tas-Sliema. Huwa wkoll kien President Onorarju tas-Soċjetà Mużikali San Girgor ta' Tas-Sliema.

More in Politika