Grech iwiegħed inqas taxxa għan-negozji; Jisfida lill-PM biex jeskludi żieda fil-VAT
Il-Partit Nazzjonalista japprova l-Manifest Elettorali b'533 proposta u viżjoni għal Malta għall-għaxar snin li ġejjin
minn Yendrick Cioffi
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas ir-rata ta’ taxxa fuq il-qligħ tan-negozji, konformi ma’ dak magħruf bħala ESG, għal 15% fuq l-ewwel €500,000 li huma jagħmlu, liema flus jerġgħu jkunu investiti fin-negozju.
Huwa qal dan meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali li matulu ġie approvat il-Manifest Elettorali tal-Partit Nazzjonalista: Viżjoni għal Malta 2030.
Bernard Grech insista li dan il-manifest elettorali qed joffri 533 proposta konkreti u mhux “lotterija” ta’ qabel l-elezzjoni u li huma mfassla biex il-ġid jasal għand kull individwu.
Kien hawn li akkuża lill-Gvern Laburista li jagħti ċekk b’id waħda u jieħu min-naħa l-oħra waqt li fakkar f’dak li l-Partit Nazzjonalista jsejjaħ serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Insista li l-politiċi mhumiex kollha l-istess u kien hawn li wiegħed inqas taxxa bi pjan u b’sostennibbilità, filwaqt li sfida lill-Prim Ministru biex jeskludi li Gvern Laburista mhux se jkun qed jgħolli l-VAT.
'Ħdimna biex il-bniedem ikun il-protagonist u fiċ-ċentru ta’ kull proposta'
Spjega kif l-elezzjoni ġenerali mhijiex punt ta’ wasla imma punt ta’ tluq u kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin.
“Il-proposti tagħna mhumiex lotterija. Spiċċat il-politika li tipprova timmaniġja kriżi. Iridu nwettqu politika li taħseb fil-futur,” saħaq Grech waqt li insista li l-proposti kollha huwa frott id-djalogu li ilu għaddej xhur. “Ħdimna biex il-bniedem ikun il-protagonist u fiċ-ċentru ta’ kull proposta.”
Insista li anke jekk ikun elett fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viċin u jikkonsulta mal-għaqdiet kollha, il-korpi kostitwiti, l-esperti u anke s-soċjetà ċivili, għax fi kliemu, is-soluzzjonijiet jinsabu għand kulħadd.
'L-ewwel bidla bażika hija l-bidla fil-Gvern'
Saħaq li permezz ta’ dan il-Manifest, il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lill-poplu kollu, biex flimkien tkun irrealizzata s-sejħa ta’ bidu ġdid għal Malta.
“Dan hu pass li rridu nagħmluh flimkien. L-ewwel bidla bażika hija l-bidla tal-Gvern,” saħaq Grech.
Il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-pilastri li fuqu huwa bbażat dan il-programm jixhdu l-prijoritajiet tal-Partit Nazzjonalista, fosthom il-qabża fil-kwalità tal-ħajja, l-investiment fl-ekonomija ta’ għada, il-ġustizzja, il-governanza tajba, l-identità ta’ Għawdex, it-taxxi aktar ġusti li jinċentivaw l-intrapriżi u l-edukazzjoni.
Tkellem fuq il-Partit Nazzjonalista u saħaq li l-għajta Miegħek għal Malta, minn dejjem kienet l-għajta tal-Partit Nazzjonalista, anke meta ħadem biex iwelled nazzjon u biex sieħeb lil Malta fl-Unjoni Ewropea.
'Qumu għall-isfida'
Insista li l-Partit Nazzjonalista u l-mexxejja tiegħu, inkluż Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi, Simon Busuttul u Adrian Delia dejjem poġġew lill-pajjiż u l-interess tal-poplu qabel kollox.
“Mhux partit mingħajr difetti. Iddispjaċina għan-nuqqasijiet u l-iżbalji. Tlabna maħfra imma nafu li n-nuqqasijiet u l-iżbalji mhux qegħdin hemm biex nibqgħu taħthom imma biex nitgħallmu u nimxu ‘l quddiem,” qal Grech.
Temm jappella lill-Maltin biex iqumu għall-isfida li għandhom quddiemhom u b’sens ta’ ġustizzja jwettqu l-bidla li, fi kliemu, il-pajjiż għandu bżonn.
Insista li kulħadd irid imidd idu għax is-soluzzjoni tinsab f’idejn kulħadd. Irringrazzja lid-Deputati li servew fl-aħħar snin u lill-kandidati kollha u wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ tim magħqud li jaħdem id f’id ma’ kulħadd biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
“Ejjew miegħi. Ejjew magħna, għax aħna miegħek. Miegħek għal Malta,” temm jgħid Grech.
‘Aħna solidali mal-poplu Ukren’
Bernard Grech tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni bħalissa fl-Ukrajna għax fi kliemu ma jistax ikun indifferenti.
“Illum iddikjarajna biċ-ċar li aħna solidali mal-poplu Ukren. Quddiem dan, jien ma nistax inkun newtrali,” insista Grech.
Fakkar kif Malta salvat mijiet ta’ Maltin u insista li Malta, anke jekk newtrali b’mod militari ma tistax tkun solidali u tgħin bil-mezzi l-oħra kollha li tista’ lill-poplu Ukren.
‘Il-PN huwa l-partit tas-soluzzjonijiet fl-immedjati u l-futur’
Tul il-Kunsill Ġenerali, tkellem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament, David Agius, li saħaq kif wara 100 siegħa minn meta bdiet il-kampanja elettorali, il-PN ippreżenta l-programm elettorali u dan minkejja li l-Partit Laburista jgħid li l-PN mhux lest biex ikun fil-Gvern.
“Dan huwa programm li jixhed li l-PN huwa l-partit tas-soluzzjonijiet fl-immedjat u l-futur. Mhuwiex il-partit tal-iskandi jew l-imbarazzament, jew it-tkissir tas-setturi li jrendu,” insista Agius.
Fost il-proposti, Agius semma l-wiegħda tal-Partit Nazzjonalista li jagħti lura l-flus kollha misruqa mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
“Fil-manifest tal-Labour din mhux se ssibuha,” kompla jisħaq.
‘Se ngħolli l-pensjoni minima daqs il-paga minima nazzjonali’
Iddeskriva l-Partit Nazzjonalista bħala l-partit tal-fqir u tal-batut, li joffri tama lil dawk kollha li jixtiequ jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom.
“Hekk nifhmu meta ngħidu li rridu lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Meta ngħidu dan u nħarsu lejn dan il-programm elettorali, qed nagħtu eżempju ta’ kif irridu li fiċ-ċentru tal-politika tagħna jkun hemm l-anzjani, il-penzjonanti u t-tfal tagħna,” kompla Agius.
Tkellem b’mod partikolari fuq il-penzjonanti u semma l-proposti tal-Partit Nazzjonalista li qed iwiegħed, fost oħrajn li jgħolli l-pensjoni nazzjonali daqs il-paga minimia nazzjonali u li r-romol jibqgħu jieħdu l-pensjoni sħiħa.
Ħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista biex Bernard Grech ikun il-Prim Ministru u jimplimenta din il-viżjoni ppreżentata illum.
‘Qed nuru lil Malta li nistgħu nagħmlu ħafna aħjar mil-Gvern preżenti’
Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, għall-Affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo enfasizza l-fatt li għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad, il-Partit Nazzjonalista huwa lest biex ikun fil-Gvern u insista li l-kampanja tiegħu s’issa u l-manifest elettorali li qed jippreżenta, huwa xhieda ta’ dan.
“Il-proposti huma serji u kbar u li bihom qed nuru lil Malta li aħna nistgħu nagħmlu ħafna aħjar mill-Gvern ta’ dawn l-aħħar snin,” saħaq Arrigo.
Arrigo wiegħed li permezz ta’ dan il-Manifest, il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed iħalli pajjiż ħafna aħjar.
Kien hawn li insista li mhuxiex minnu li l-Partit Nazzjonalista huwa mifrud u stieden lill-eks uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, uffiċjali u anke lil Bernard Grech u lil Adrian Delia biex jieħdu ritratt flimkien waqt li kulħadd qam bilwieqfa iċapċaw u jgħajjat.
‘Din il-viżjoni tista’ ssir realtà, b’Bernard Grech Prim Ministru’
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino insista li t-triq hija waħda iebsa, għax il-Partit Laburista, fi kliemu, għandha magna tal-propaganda mħallsa mit-taxxi tal-poplu.
Madanakollu, insista li l-Partit Nazzjnalista ma jaqtax qalbu għax għandu responsabbilità li jsalva l-futur tal-pajjiż.
Fi kliemu, il-viżjoni li ppreżeta l-Partit Nazzjonalista llum, se tbiddel il-mod kif issir il-politika u ma tħarisx biss minn elezzjoni sa elezzjoni.
“Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jkun viżjunarju u qed iwiegħed li joħloq setturi ekonomiċi ġodda,” qal Piccino.
Fi kliemu, din il-viżjoni tista’ ssir realtà, b’Bernard Grech Prim Ministru.
Mill-Ħadd li ġej, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tippreżenta u tispjega l-proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista u anke l-partiti l-oħra kollha.
Aqra wkoll: