L-ewwel xogħol tal-Parlament malli fetaħ il-bibien tiegħu għall-erbatax-il leġislatura kienet il-ħatra tal-Ispeaker u li mill-ewwel wasslet għall-batibekk bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
L-Oppożizzjoni minnufih qalet li mhux se tkun qed tivvota favur il-ħatra ta' Anglu Farrugia minħabba dak li sejħitlu bħala nuqqas ta' "imparzjalità" fl-aħħar leġislatura.
Fl-ewwel diskors tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li hija ħasra li l-ewwel deċiżjoni tal-Oppożizzjoni fl-ewwel ġurnata tal-leġislatura l-ġdida kienet li ma jaqbilx ma' din il-ħatra.
Abela saħaq li l-id tal-ħbiberija ta' Bernard Grech tfisser li jrid li tgħaddi dejjem tiegħu u fakkar li ilhom sena u nofs biex jaqblu dwar il-ħatra tal-Ombudsman, kariga importanti ħafna.
Saħaq li jittama li din mhux se tkun l-attitudni tal-Oppożizzjoni tul il-leġislatura iżda insista li l-bidu ma jawgurax tajjeb.
Qal ukoll li hu se jkompli joħroġ l-id tal-ħbiberija tant li l-Gvern mill-ewwel qabel li jivvota favur il-ħatra ta' David Agius, li għadu jokkupa l-kariga ta' Viċi Kap Nazzjonalista, bħala Deputat Speaker.
Eventwalment, Anglu Farrugia nħatar Speaker. Din se tkun it-tielet leġislatura tiegħu u se jkun l-ewwel persuna li serviet f'din il-kariga għal tliet leġislaturi.
Farrugia se jkun qed imexxi l-akbar Parlament fl-istorja tal-Parlament Malti hekk kif jinkludi xejn inqas minn 79 Deputat.