Malta tiftaħ l-ewwel ambaxxata fl-Amerika Latina fil-Brażil

Borg jisħaq li Malta se tkun qed tagħmel ftehim importanti biex pajjiżna jkun 'sieħeb strateġiku importanti fil-Mediterran' 

Il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt numru ta' laqgħat uffiċjali fil-Brażil saħaq dwar ix-xewqa ta' pajjiżna li tkompli ttejjeb ir-relazzjonijiet bilateralli mal-Brażil. "Kien għalhekk li għażilna li niftħu l-ewwel ambaxxata Amerika Latina propju f'dan il-pajjiż," qal Borg. 

Il-Ministru Borg spjega li din id-deċiżjoni strateġika hija waħda importanti ferm u li għandha tkompli tibni fuq il-kooperazzjoni li teżisiti fuq bosta oqsma, fosthom anke dik tal-kummerċ.

Waqt il-laqgħa mal-Ministru tal-Ekonomija Brażiljan Paulo Guedes, Ian Borg qal kif Malta hija miftuħa biex tospita kumpaniji internazzjonali li jixtiequ jimirħu fin-negozju tagħhom anke fid-dawl tal-qagħda ġeografika li għandu pajjiżna bħala pont bejn l-Ewropa u l-Afrika. Id-diskussjoni ukoll ħarset lejn il-possibilità li fiż-żmien illi ġej ikunu ffirmati numru ta’ ftehimiet li permezz tagħhom se jkunu qed igawdu ż-żewġ popli.

Min-naħa l-oħħra l-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Brażil qal li huwa ta’ privileġġ u unur li Malta għażlet lill-Brażil bħala l-ewwel pajjiż fejn se jkollu rappreżentanza fl-Amerika Latina. Huwa kompla jgħid li jħares ‘il quddiem biex Malta tkun sieħeb strateġiku importanti fil-Mediterran.

Intant Borg sostna li jekk matul il-ġimgħa li ġejja pajjiżna jingħata l-fiduċja biex iservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, se jkun ta’ unur li pajjiżna jkun jista’ jservi f’din il-fora tant importanti mal-Brażil matul l-2023 u b’hekk ikun anke jista’ jikkopera fuq materji importanti fejn tidħol il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Waqt id-diskussjoni li saret mal-Ministru tat-Turiżmu Carlos Brito, ġie maqbul kif fil-jiem li ġejjin se jkun qed jiġi ffirmat ftehim importanti li permezz tiegħu se tkun qed tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni li teżisti fl-oqsma tat-turiżmu, b’mod partikolari anke fid-dawl li ħafna studenti Brażiljani jagħżlu lil pajjiżna sabiex jistudjaw il-lingwa Ingliża. Borg iltaqa' wkoll mal-Aġent Ministru għall-Affarjiet Barranin Paulino Franco De Carvalho Neto.  

Waqt din iż-żjara fil-Brażil, il-Ministru Ian Borg qiegħed ikun akkumpanjat mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, is-Sur Christopher Cutajar.

More in Politika