Il-Wied tal-Balluta - li jservi ta’ pulmun aħdar għaż-żoni ta’ Tas-Sliema u ta’ San Ġiljan, li għandhom popolazzjoni b’densità għolja - se jkompli jżomm l-istatus ta’ protezzjoni sħiħa tiegħu bħala Żona Skedata ta’ Importanza Ekoloġika (AEI). Dan, wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) ikkonferma l-iskedar tiegħu kollu kemm hu.
Fit-talba tagħhom quddiem it-Tribunal, l-appellanti appellaw mill-istatus ta’ protezzjoni mogħti liż-żona biswit il-wied proprju.
Konsegwentement, it-Tribunal ikkonferma li d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Novembru tal-2011, biex tipproteġi l-integrità ġenerali tal-wied permezz tal-iskedar tiegħu u b’livelli varji ta’ protezzjoni inkluża buffer zone, għandha tibqa’. Il-Wied tal-Balluta huwa wied żgħir bi ġnub relattivament weqfin. Il-parti ċentrali tal-wied u partijiet mill-ġnub tiegħu jsostnu ammonti kbar ta’ veġetazzjoni tal-makkja, filwaqt li parti sostanzjali tal-ġenb tat-Tramuntana tal-wied hija kkaratterizzata minn art karstika esposta b’għadd ta’ fjuri assoċjati.
Il-Wied tal-Balluta jinsab f’żona urbanizzata ta’ kobor sostanzjali bi pressjonijiet kbar ta’ żvilupp. Kollettivament, is-sistema tal-wied skedata, inkluż in-naħa tat-Tramuntana tal-wied, tifrex fuq żona ta’ ftit aktar minn 46,000m², b’perimetru ta’ madwar 1,200 metru.
Barra minn predominanza ta’ siġar tal-ħarrub u taż-żebbuġ, fil-wied hemm ukoll siġar tar-rand, filwaqt li fin-naħa ta’ fuq tal-wied hemm popolazzjoni ta’ klin u tal-orkidea piramidali endemika Maltija, fost speċi ta’ fjuri oħra. Waqt il-proċeduri tal-appelli quddiem it-Tribunal, l-Awtorità tal-Ippjanar saħqet li l-għan tal-iskedar huwa doppju: li jipproteġi l-Wied tal-Balluta fuq il-merti tiegħu bħala komponent tal-wirt naturali tan-nazzjon, u li jaġixxi bħala mekkaniżmu ta’ kontroll tal-iżvilupp. L-iskedar tal-wirt naturali mhux biss fuq il-bijodiversità, il-ġeomorfoloġija jew il-karatteristiċi oħra ta’ importanza ekoloġika jew xjentifika.
L-Awtorità qalet illi l-iskedar huwa stqarrija fuq livell nazzjonali li tfittex li tikkontrolla u tidderieġi influwenzi antropoġeniċi fil-forma ta’ pressjonijiet ta’ żvilupp permezz ta’ sett ta’ kriterji statutorji li jiddefinixxu l-firxa u tip ta’ żvilupp li jista’ jkun permess.