Il-Maltin l-aktar li jkollhom kuntatt mal-partiti u mal-politiċi mill-UE kollha

Tliet kwarti tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hija mifruxa f'pajjiżna iżda 77% ma jaslux jirrapportaw il-korruzzjoni, ghax ħafna jħossu li min hu korrott xorta ma jiħux li ħaqqu... 

'Malta żgħira u n-nies magħrufa' - tgħid l-espressjoni tant popolari Maltija li tfisser li għax aħna żgħar, ħafna nies jafu u jiltaqgħu ma' xulxin b'mod frekwenti. U forsi imkien mhu ċar dan daqs kemm hu ċar fir-rabta - xi kultant fuq bażi personali - mal-politiċi. Fil-fatt il-politiċi Maltin mhux biss faċli tiltaqa' magħhom minħabba ċ-ċokon ta' pajjiżna imma jagħmlu lilhom infushom aċċessibbli ħafna permezz ta' uffiċċji lokali, preżenza fil-festi u anke preżenza waqt attivitajiet soċjali.  

U dan issa huwa kkonfermat, fattwalment, permezz ta' sondaġġ tal-Ewrobarometru dwar il-korruzzjoni li din il-gazzetta bdiet tevalwa fid-dettall il-Ħadd li għadda.  

Il-Maltin fil-fatt huma l-aktar nies fl-UE kollha li qalu illi fl-aħħar sena kellhom kuntatt ma' politiċi u/jew partiti politiċi - anke jekk il-probabilità hija li l-fatt li kellna elezzjoni ġenerali affetwat xi ftit. Kienu 20% tal-Maltin li qalu illi fl-aħħar sena kellhom kuntatt ma' politiċi ta' livell nazzjonali jew inkella lokali, bl-uniċi żewġ pajjiżi li jiġu qrib tagħna jkunu oħrajn relattivament żgħar: L-Olanda (18%) u l-Awstrija (15%). Il-Bulgari (2%), il-Griegi (3%) u l-Pollakki u l-Ungeriżi, it-tnejn b'4%, huma fost l-inqas popli fl-UE li kellhom kuntatt ma' politiċi nazzjonali jew lokali.  

Interessanti naraw li b'20%, il-Maltin mhumiex biss l-aktar ewropej li jkollhom kuntatt ma' politiċi, imma dan il-persentaġġ huwa 12% ogħla mill-medja tal-UE. 

Meta l-mistoqsija ddur fuq kuntatt mal-partiti politiċi l-persentaġġ jonqos xi ftit għal 18%, għalkemm mill-ġdid il-Maltin jibqgħu l-aktar li kellhom kuntatt ma' partiti. Isegwuna imma 'l bogħod hemm l-Olandiżi u l-Awstrijaki mill-ġdid bi 12% u 10% rispettivament. Il-Bulgari l-inqas li kellhom kuntatt mal-partiti politiċi (2%), segwiti miċ-Ċeki, il-Pollakki u l-Portugiżi - ilkoll b'3%.  

Il-medja ewropea ta' kuntatt tan-nies mal-partiti politiċi hija biss ta' 5%.  

Naturalment - bħall-bqija tal-Ewropej -  l-aktar li kellhom kuntatt il-Maltin kien ma' nies mill-qasam tas-saħħa (46%), Il-banek u istituzzjonijiet finanzjarji (43%) u ma' kumpaniji privati (22%). 

75% jemmnu li l-korruzzjoni mifruxa f'Malta... imma 77% ma jirrapportawhiex  

Intant l-Ewrobarometru daħal ukoll fil-kwistjoni ta' kemm l-ewropej - inkluż il-Maltin - jaħsbu li hemm korruzzjoni f'pajjiżhom, kemm esperjenzawha huma fuq livell personali u jekk jirrapportawx il-korruzzjoni f'każ li esperjenzawha.  

Huma kważi tmienja minn kull 10 Maltin li jemmnu illi l-korruzzjoni f'pajjiżna hija mifruxa, 11% aktar mill-medja ewropea. U minkejja li dan ifisser li ħafna mill-popli jħossu li l-korruzzjoni hija mifruxa, Malta fil-fatt tinsab fit-12-il post. Fil-fatt l-aktar li jemmnu illi l-korruzzjoni hija mifruxa fil-pajjiż tagħhom huma l-Griegi b'98%, segwiti miċ-Ċiprijotti b'94%, il-Kroati b'94%, l-Ungeriżi b'93% u l-Portugiżi b'90%. 

Minn naħa l-oħra l-inqas li jħossu li hemm korruzzjoni f'pajjiżhom huma d-Daniżi - fejn fil-fatt hemm 16% biss li jħossu illi l-korruzzjoni hija mifruxa, segwita mil-Finlandiżi b'17%. Fil-fatt fid-Danimarka 83% iħossu li l-korruzzjoni hija "rarità totali" f'pajjiżhom u 80% tal-Finlandiżi jemmnu l-istess.  

Iżda il-Maltin - u l-ewropej magħhom - kemm esperjenzaw korruzzjoni fil-ħajja tagħhom ta' kuljum?  

Huma 12% biss tal-Maltin li esperjenzawha f'ħajjithom u għalkemm dan mhux ħafna, xorta jpoġġina fir-raba' post mal-aktar nazzjonalitajiet li esperjenzaw korruzzjoni. L-aktar li esperjenzaw il-korruzzjoni huma l-Bulgari b'19% , il-Kroati b'18% u l-Griegi b'14%.  

L-inqas nazzjonalitajiet li qalu illi esperjenzaw korruzzjoni huma d-Daniżi, l-Irlandiżi, il-Finlandiżi, il-poplu tal-Lussemburgu- kollha b'3% u l-Portugiżi b'2%. 

Imma meta jesperjenzaw il-korruzzjoni n-nies jirrapportawha jew le?  

Ir-risposta għall-maġġoranza qawwija ħafna tal-barranin hija ċara: Le! 

Fil-fatt għal din il-mistoqsija 85% tal-ewropej wieġbu fin-negattiv u 15% biss wieġbu fil-pożittiv. Fil-każ tal-Maltin 77% qalu li ma jirrapportawx kontra l-20% li qalu illi jirrapportaw u 3% li ma kinux kapaċi jwieġbu.  

L-Olandiżi b'50% huma l-aktar li jirrapportaw il-korruzzjoni u l-unika nazzjonalità fl-UE fejn maġġoranza fil-fatt jaslu biex jagħmlu dan.  

'Issa mbilli nirrapporta? Mhux għalxejn?' 

Interessanti wkoll iżda hija r-raġuni għaliex tant Maltin u Ewropej jirrifjutaw li jirrapportaw il-korruzzjoni - anke jekk jarawha sseħħ u anke jekk, probabbilment ma jaqblux li sseħħ. Hija kompliċità? Apatija? Jew biża'?  

Il-maġġoranza tal-Maltin - jew 41% ta' dawk li wieġbu din il-mistoqsija - jħossu illi hija bla sens li jsir rapport għax jemmnu li eventwalment dawk ħatja xorta mhux se jiffaċċjaw konsegwenzi. Jekk xejn dan huwa ċertifikat ikrah ta' kemm ħafna nies ma jemmnux li l-istituzzjonijiet għandhom il-mezzi jew inkella r-rieda biex jieħdu passi kontra korruzzjoni.  

Il-medja tal-ewropej li jaħsbu l-istess hija ta' 30%, bl-aktar nazzjonalitajiet li jaħsbu li ma jsir xejn fuq rapport ta' korruzzjoni jkunu ċ-Ċiprijotti b'53% u l-Griegi b'51%.  

Terz tal-Maltin (33%) jemmnu li huwa għalxejn tirrapporta għax diffiċli tipprovaha l-korruzzjoni u 35% iħossu li ma hemmx protezzjoni għal min jikxef - u dan minkejja li fl-aħħar snin il-Gvern wettaq il-Liġi tal-Whistleblowers li reġgħet ġiet aġġornata.  

Mistoqsijin jekk jafux fejn (ma' liema entità) għandhom jirrapportaw korruzzjoni - 46% wieġbu fil-pożittiv, li hija daqs il-medja ewropea. Din hija żieda qawwija ta' 13% tal-Maltin li jafu fejn għandhom jirrapportaw f'temp ta' sena. 

More in Politika