'Il-baħar, ix-xatt... Kemmuna ta' kulħadd!' Graffitti mill-ġdid jipprotesta f'Kemmuna

Fost dawk li jindirizzaw il-folla kien hemm is-Sindku Laburista tal-Qala li jgħid li lilu qed jippruvaw jisparixxuh...

Dawk li attendew il-protesta. Ritratti ta' Moviment Graffitti
Dawk li attendew il-protesta. Ritratti ta' Moviment Graffitti

'Qażżistuna.. qażżistuna. Tuna Kemmuna lura!' u 'il-baħar, ix-xatt... Kemmuna ta' kulħadd!' Hekk kienet l-għajta f'Kemmuna illum ta' għexieren ta' nies li reġgħu marru jipprotestaw flimkien mal-Moviment Graffitt biex il-poplu jkun jista' igawdi l-bajja mingħajr deckchairs u siġġijiet u din id-darba  stiednu lill-pubbliku biex jingħaqad magħhom. Fost dawk li attendew u li indirizzaw lill-folla kien hemm is-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg.

Il-protesta kellha mumenti jaħarqu hekk kif dawk preżenti spiċċaw argumentaw mal-pulizija u ma' persuni li kienu fuq id-deckchairs u li Andrè Callus mill-Moviment Graffitti qal li kienu nies li inġiebu minn negozji f'Kemmuna. Fil-fatt Callus qal li mhu vera xejn li kellhom xi jgħidu ma' nies li kienu qed jixxemxu fil-bajja 

"Ilbieraħ (Il-Ġimgħa) ġejna infurmati minn sorsi differenti li l-operaturi tad-deckchairs għal-lum kienu qed jippjanaw li jfixklu l-protesta billi jieħdu n-nies tagħhom minn kmieni filgħodu u jokkupaw l-ispazju billi joqogħdu fuq dawn id-deckchairs. Jien mill-ewwel ċempilt lill-pulizija u għidtilhom li din hija protesta uffiċjali u li kien fl-obbligu tagħhom li jiżguraw li l-bajja tibqa' ħielsa ħalli tkun tista' ssir il-protesta bil-kwiet," sostna Callus.

Huwa qal li minkejja li l-pulizija wegħdu li mhux se jħallu d-deckchairs, il-Moviment Graffitti sabu numru ta' nies "jistennewhom." 
"Il-kunflitt ma kienx ma' "beachgoers" imma ma' nies li ġabu l-operaturi tad-deckchairs apposta biex jagħmlu sabutaġġ fuq il-protesta."

 

"Qed jippruvaw jagħmlu minn kollox biex nisparixxi mix-xena. Minn kollox qed jippruvaw jagħmlu biex joskurawni... għandhom wisq poter l-iżviluppaturi f'Għawdex," qal Buttigieg li fakkar f'li qalet l-Awtorità Għawdxija tat-Turiżmu u allura l-inkwiet tagħha li hemm wisq żvilupp fuq din il-gżira. Huwa qal li f'żoni ta' Għawdex - fosthom Ħondoq ir-Rummien -  intlaħaq qbil dwar deckchairs u li dawn jingħataw meta t-turisti jew l-għawwiema jitolbu dan u mhux jiġu kkapparrati l-bajjiet. Għalhekk staqsa għaliex l-istess affarijiet ma jistgħux isiru f'Kemmuna. 

Andre Callus, mill-Moviment Graffitti, qal li jekk negozjanti jaħsbu se jbeżżgħu billi jimbuttaw u jgħajjru, għax għandhom lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Pulizija f'idejhom sejrin żball. "L-ispazji pubbliċi huma tal-pubbliku bid-dritt... jekk jaħsbu li jistgħu ikomplu jitħanżru għax ħallewhom, aħna mhux se nħalluhom," qal Callus li wiegħed li Graffitti se jkompli għaddej b'azzjonijiet fuq din il-gżira. 

Fi stqarrija, Graffitti qalu li qed jagħmlu dawn il-protesti għax il-bajja ta' Blue Lagoon qed tibqa' maħkuma mill-interessi kummerċjali li biddu l-bajja "f'lido privat għal ftit nies."

Din il-protesta hija t-tieni azzjoni f’Kemmuna dan is-sajf.

It-talbiet ta' Graffitti...

 F’dan ir-rigward, intbagħatu żewġ ittri miftuħa lill-ħames Ministri responsabbli minn bosta aspetti tal-ġestjoni tal-gżira, ittri li jistabbilixxu talbiet ċari favur il-ħarsien tal-Blue Lagoon u l-aċċess pubbliku. Il-Moviment Graffitti saħaq li l-pressjoni tiegħu fuq l-awtoritajiet mhijiex ser tonqos ġaladarba n-nies li għandhom il-flus u l-influwenza politika ħatfu dak li huwa tal-poplu bi dritt u għadhom qegħdin jagħmlu li jridu f’riżerva naturali.

Il-Moviment Graffitti jinsisti li tittieħed azzjoni immedjata kontra l-ħsara li qegħda ssir lill-Blue Lagoon u li l-bajja tingħata lura lin-nies:

1. Id-deckchairs u l-umbrelel jintramaw biss fuq talba ta’ persuna fiżikament preżenti fuq il-post u FL-EBDA ĦIN m’għandhom jokkupaw iktar minn 30% taż-żona kollha tal-Blue Lagoon.

2. Id-dgħajjes il-kbar, li jieħdu mijiet ta’ turisti f’salt wieħed, ikunu projbiti minn Kemmuna.

3. Ikun hemm limitu ta’ żewġ gabbani żgħar, mingħajr daqq ta’ mużika, fil-Blue Lagoon.

4. Ikun hemm limitu fuq it-tip u l-ammont ta’ skart iġġenerat, u dan jinġabar kuljum, qabel il-lejl, sabiex ma jkomplux jitkattru l-firien li qed jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent naturali.

More in Politika