Il-Kamra tal-Kummerċ tappella lill-Gvern biex iħaffef il-ħruġ tal-Viżas għal ħaddiema barranin

... tipproponi wkoll li jinħoloq permess interim ta' xogħol ta' tliet xhur għal dawk il-persuni barranin u li ġejjin minn pajjiżi terzi, ladarba dawn ikollhom ittra ta' invit biex jidħlu pajjiżna

il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi - fost elenku ta' proposti għall-Baġit 2022 -  11-il punt fis-sett tagħha ta' proposti għall-Baġit 2023. Fosthom qed tipproponi u tħeġġeġ lill-Gvern biex jindirizza l-kwistjoni ta' dewmien biex joħorġu l-Viżas għal-barranin - kwistjoni li l-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat bi prominenza wkoll ftit xhur ilu. 

Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid li dan id-dewmien għandu jinqata' billi jkun aċċertat li l-appuntamenti biex toħroġ l-Visa jkunu mogħtija "fi żmien raġonevoli". It-tragwardi għall-appuntamenti u l-ħruġ sussegwenti tal-Visa għandhom ikunu proċessi komuni u b'moniteraġġ. Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi wkoll aktar ħaddiema fl-ambaxxati biex ikunu jistgħu jipproċessaw tali Visas li issa ilhom jistennew. 

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi wkoll li jinħoloq permess interim ta' xogħol ta' tliet xhur għal dawk il-persuni barranin u li ġejjin minn pajjiżi terzi, ladarba dawn ikollhom ittra ta' invit biex jidħlu pajjiżna. 

F'dawn it-tliet xhur min iħaddem ikollu l-obbligu li jassigura illi l-impjegat jgħaddi minn proċess ta' screening u jkollu kuntratt tal-kera (jew post fejn jgħix). Ladarba l-ħaddiem minn pajjiż terz jingħata d-dritt tax-xogħol ikun jista' liberament ifittex impjieg mingħajr ebda irbit mal-ewwel impjegatur. 

Qed tipproponi wkoll li jkun hemm politika trasparenti u ċara li tapplika għal studenti li jiġu jitgħallmu f'pajjiżna 

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi wkoll li jkun introdott permess tax-xogħol ta' tliet snin wara l-ewwel sena li ħaddiem barrani jkun ilu b'suċċess jaħdem pajjiżna, filwaqt li qed tappella lill-Gvern biex inaqqas l-approvazzjoni tar-rilokazzjoni tal-familja minn tmien xhur għal tnejn. 

U finalment dwar din il-kwistjoni l-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li l-awtoritajiet jaċċertaw li ma jkunx hemm abbużi. 

 

More in Politika