L-ADPD takkuża lill-Partit Laburista li daħak bil-ħaddiema fuq l-Air Malta
Carmel Cacopardo jisħaq li pjan wara l-ieħor biex tkun salvata l-Air Malta kollha fallew...
More in Politika
Carmel Cacopardo jisħaq li pjan wara l-ieħor biex tkun salvata l-Air Malta kollha fallew...
"Huwa ċar kristall li l-Partit Laburista jara l-politika bħala logħba li fiha huwa permess li tidħaq bin-nies f’wiċċhom biex tikseb l-appoġġ tagħhom." Dan qalu ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo fi stqarrija dwar dawk li sejjaħ "manuvri li qed isiru fl-Air Malta bħalissa."
Huwa qal illi rapporti - f'referenza għal rapport li deher fuq The Shift News - qed juru illi l-Gvern qed jipperpara għall-għeluq tal-Air Malta, "avolja qabel l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2022, ftit xhur ilu, il-ħaddiema tal-Air Malta ġew imwegħda li l-kumpanija se tkompli topera u li l-ħaddiema “żejda” ser ikunu trasferiti mas-settur pubbliku bl-istess pagi u kundizzjonijiet."
Cacopardo fakkar li l-istess programm elettorali tal-Partit Laburista jgħid fuq paġna 222 tiegħu jgħid li nbeda ‘proċess sabiex l-Air Malta tkompli topera u sservi l-oġġettivi strateġiċi tagħha b’ħarsien tar-regolamenti Ewropej’. "Rapporti fl-istampa matul din il-ġimgħa juru li dan kien kollu daħq fil-wiċċ, u kliem fieragħ. Il-Partit Laburista jipprova jidħaq bik f’wiċċek."
Iċ-Chairperson ta' ADPD qal li pjan strateġiku wieħed wara l-ieħor kollha fallew għax sostna li qatt ma kien hemm ir-rieda politika li l-Air Malta titħalla topera mingħajr indħil politiku. "Dan wassal għar-rimi ta’ miljuni ta’ ewro f’”għajnuna” lill-kumpanija Air Malta li fil-prattika fissru iffinanzjar tal-klijenteliżmu li kisser lill-istess kumpanija. Dan jgħodd ukoll għall-ammonti esaġerati ta’ flus imwiegħda lil min jirriżenja mill-kumpanija issa. Dawn il-flejjes huma serq mit-taxxi li nħallsu lkoll kemm aħna. Huma tberbieq ta’ fondi pubbliċi biex jagħmlu tajjeb għal wegħdiet elettorali li marru żmerċ," temm jgħid Carmel Cacopardo.