Nies fi ħdan il-Partit Laburista u dawk viċin it-tmexxija tal-istess partit huma urtati bil-kbir għall-azzjoni li ħa Manuel Cuschieri - impjegat tal-PL - din il-ġimgħa meta ħeġġeġ lin-nies biex imorru jagħtu appoġġ lill-eks Chairman ta' Infrastructure Malta (IM) Frederick Azzopardi. Cuschieri, li b'mod frekwenti ħafna, jtella' messaġġi ta' tifħir lejn l-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat din il-ġimgħa appella biex nhar it-Tlieta li għaddew il-Laburisti jagħtu appoġġ lil Azzopardi u qal li wasal iż-żmien li n-nies jitkellmu u juru l-għadab tagħhom għal "attakki" bħal dawn, sentiment li kien qrib ħafna ta' dak li esprima l-istess Joseph Muscat fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook.
Minkejja dan, sorsi li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi fil-partit hemm min hu rrabjat ħafna għal Cuschieri u hemm min saħansitra jridu "jżarma" la - skont huma - mhux qed jimxi mal-ordnijiet tal-partit. Fil-fatt il-PL pubblikament iddiżassoċja lilu nnifsu mid-dimostrazzjoni ta' appoġġ li organizza l-istess preżentatur u uffiċjal tal-partit, li għaliha attendew biss ftit nies - li kienu iżda pjuttost voċiferi. Cuschieri indika li jekk ikun hemm bżonn jerġa' jsejjaħ għall-appoġġ f'okkażjonijiet fil-futur.
Azzopardi kien akkużat u ttella' l-Qorti talli kiser liġijiet tal-protezzjoni ambjentali u talli IM kompliet għaddejja b'xogħol illegali fuq triq f'Wied Qirda. Minkejja stop order mill-ERA l-kuntratturi reġgħu kienu fuq il-post l-għada, xi ħaġa li ġrat diversi drabi. Il-kuntrattur dejjem kien jgħid li kien Frederick Azzopardi u l-Perit David Vassallo li kienu jagħtu l-ordni biex ix-xogħol jibqa' għaddej minkejja l-ordni biex ma jsir xejn.
"Ma jistax ikun fil-partit ikun hemm min jaħseb li jista' jagħmel li jrid," qal sors fil-PL li tkellem mal-ILLUM. Oħrajn qalu li wara dak li sar quddiem il-Qorti, il-partit għandu jkun aktar deċiżiv ma' Cuschieri. "Dawn l-affarijiet ma jagħmlu ġid ta' xejn u messu ma sar xejn la l-partit ma organizza xejn hu," kompla jgħid is-sors li huwa membru tal-Kabinett.
Manuel Cushcieri - xandar u wiċċ sinonimu mal-Partit Laburista u l-midja tiegħu għal snin twal - twaqqaf milli jibqa' jxandar fuq l-istazzjon tal-PL ftit ġimgħat ilu, pass li qatt ma ngħatat raġuni fil-pubbliku għalih imma li wassal biex diversi attivisti rħewlha għal fuq il-midja soċjali u kkritikaw din id-deċiżjoni bil-kbir. Saħansitra Jason Micallef, Chairman tal-ONE, qal li din ma kinitx deċiżjoni tiegħu jew waħda li kien infurmat dwarha u sostna li huwa l-partit li jiddeċiedi l-kontenut politiku fuq l-istazzjonijiet ONE.
Iżda minkejja li fil-PL hemm min irid lil Cuschieri barra, mhux kulħadd huwa tal-istess ħsieb. "Issa mbilli neħħietu t-tmexxija minn fuq l-istazzjon x'ħadet eżatt?" staqsa rettorikament sors ieħor li tkellem mal-ILLUM u li qal illi dan il-pass - li jfakkar illi ħadd ma kien qed jitlob li jsir minn fost il-pubbliku - sempliċiment ħoloq tensjoni żejda fil-PL. "Ma kien hemm ebda raġuni biex Cuschieri jitneħħa ħabta u sabta u jkun hu biss li jitneħħa mill-midja tal-PL," saħaq mal-ILLUM dan is-sors.
Biex tgħaxxaq il-kommossjoni quddiem il-Qorti u d-diżassoċjazzjoni minn ma' Manuel Cuschieri ġiet fi żmien li matulu żewġ persuni li kienu fil-PN - Frank Psaila u Kristy Debono - ingħataw inkarigi f'bordijiet, xi ħaġa li mill-ġdid jidher li ma niżlet tajjeb xejn ma' wħud fil-partit, speċjalment dawk li qed jappoġġjaw lil Cuschieri, tant li wħud irħewlha mill-ġdid għal fuq il-midja soċjali biex jilmentaw.
"Jiġu fuqna jilmentaw għax twaqqaf il-programm, l-aktar anzjani ta. Jistaqsuna għalfejn twaqqaf, jaqgħu għax qabeż għal Joseph? Imma jiena ma għandix risposta. Setgħu spjegaw għaliex u konna nevitawha din," temm jgħid is-sors ta' din il-gazzetta.