Il-farmhouses f’Għawdex bdew jirkupraw imma n-nuqqas tal-Maltin qed jinħass sew

Sidien tal-farmhouses f’Għawdex jispjegaw mal-ILLUM kif anke jekk qabdu t-triq tal-irkupru, l-fatt li din is-sena ħafna Maltin għażlu li jaqbdu l-ajruplan wara sentejn restrizzjonijiet, ħalla impatt fuq il-bookings 

Is-sajf jinsab fl-aqwa tiegħu u daqstant ieħor l-istaġun tat-turiżmu u l-vaganzi kemm f’Malta u anke f’Għawdex li f’dan iż-żmien ta’ Santa Marija jkun ippakkjat bil-barranin u l-Maltin. Madanakollu, din is-sena, jidher li bosta Maltin għażlu li jaqbdu l-ajruplan minflok il-vapur ta’ Għawdex u n-nuqqas tagħhom jidher li qed jinħass, b’mod partikolari mis-sidien tal-farmhouses li l-gżira Għawdxija hija tant magħrufa għalihom. 

Matul din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ għadd ta’ sidien ta’ farmhouses f’Għawdex. Kollha kemm huma qablu li x-xogħol beda jirkupra u kien hemm min saħanistra qal li ilu minn Lulju ppakkjat u għandu sa Ottubru. Madanakollu, il-biċċa l-kbira saħqu li qed iħossu n-nuqqas tal-Maltin, anke għax dawn jidher li din is-sena pprefew isiefru milli jitilgħu jqattgħu ġimgħa f’xi farmhouse. 

“Ix-xogħol mhuwiex b’saħħtu bħalma kien fl-2019 imma ‘l hemm mexjin,” qalet waħda mis-sidien waqt li fakkret, kif għamlu oħrajn, li s-sena l-oħra marru tajjeb ħafna għax bosta Maltin għażlu lil Għawdex, ġaladarba kien għad hemm ħafna restrizzjonijiet marbuta mal-ivjaġġar u anke kellhom il-vouchers xi jsarrfu.

Sidien oħra qalu li nnutaw li l-kompetizzjoni minn Sqallija ħalliet l-effett tagħha hekk kif fi kliemhom jafu klijenti, anke dawk li kienu jmorru għandhom kull sena, li din is-sena ppreferew jitilgħu jqattgħu xi jiem Sqallija milli jibbukjaw farmhouse f’Għawdex. 

“Il-Maltin qabel kienu jibbukjaw imqar ħamest iljieli, din is-sena ħafna qed jibbukjaw biss għall-weekends,” qal wieħed mis-sidien, filwaqt li oħrajn ikkonfermaw li filwaqt li l-weekends kellhom ix-xogħol, fost il-ġimgħa qed ikollhom ħafna ġranet liberi, xi ħaġa mhux normali għal dan iż-żmien tas-sena. 

“Ħafna affettwathom il-pandemija u naqsilhom id-dħul. Oħrajn bdew iħossu l-effett taż-żieda fil-prezzijiet. Kollox iħalli l-effett tiegħu,” qalu xi sidien oħra. Fil-fatt kien hemm min saħansitra qalilna li normalment jibdew minn Ġunju bix-xogħol u din is-sena lanqas biss kellhom booking waħda għal dan ix-xahar.  

Imma kollox jiddependi mill-klijentela hekk kif dawk il-farmhouses li jiddependu aktar fuq il-barranin, qed imorru aħjar għax fi kliemhom, il-barranin jibbukjaw aktar iljieli. 

Sidien oħra insistew li aktar ma jkollhom bookings għal ftit iljieli, aktar jiżdiedu l-ispejjeż għalihom, għax bejn booking u ieħor ikunu jridu jnaddfu, jbiddlu l-lożor, ix-xugamani u affarijiet oħra u għalhekk dan qed iħalli effett fuqhom ukoll. 

Jekk għas-sajf kienu mhux ħażin, anke jekk forsi inqas mis-soltu, għax-xhur ta’ wara jinsabu batuti mmens. Kienet sidt waħda li qaltilna li qed ikollha ħafna talbiet għal Ottubru iżda l-oħrajn qalu li minn Settembru ‘l quddiem ix-xogħol għadu batut u dan meta normalment, anke Settembru jkun tajjeb. 

‘Ħafna Maltin għażlu li jsiefru ... anke l-effett tar-riċessjoni beda jinħass’ 

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA), Joe Muscat, li kkonferma li dak li qalu magħna s-sidien tal-farmhouses huwa dak li qed iħossu dawk kollha li huma involuti fis-settur tat-turiżmu f’Għawdex. 

Muscat fakkar li s-sena li għaddiet, hekk kif il-pandemija kienet għadha fl-aqwa tagħha u r-restrizzjonijiet dwar l-ivjaġġar kienu għadhom b’saħħithom, ħafna Maltin għażlu lil Għawdex għal btajjel tagħhom minflok siefru.  

Fil-fatt, iddeskriva s-sajf tas-sena li għaddiet bħala wieħed “rekord” għas-settur fejn saħansitra nqabżu l-miljun lejl li t-turisti, ħafna minnhom Maltin, qattgħu fl-akkomodazzjonijiet turistiċi.  

Fil-fatt, Muscat saħaq mal-ILLUM li kienu qed jistennew li hekk kif ir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar jonqsu, il-Maltin se jkunu qed jagħżlu li jsiefru minflok iqattgħu xi ftit iljieli f’Għawdex. 

Minkejja dan, Muscat saħaq li dan is-sajf mhux se jkun wieħed ħażin għall-aħħar anke jekk xorta waħda mhux qed jistennew ir-riżultati li kellhom fl-2019, l-aħħar sena qabel faqqgħet il-pandemija. 

Ikkonferma wkoll li Sqallija qed taffettwa, hekk kif diversi huma dawk il-Maltin li qed jippreferu jmorru jqattgħu ftit jiem f’din il-gżira ġara milli jitilgħu Għawdex. 

Kif qalu s-sidien, insista li tmiem il-ġimgħa dejjem qed ikun movumentat filwaqt li fost il-ġimgħa, id-domanda qed tkun xi ftit kwieta, anke għax donnu li naqqsu wkoll il-barranin, li normalment jibbukjaw aktar iljieli. 

“Ix-xogħol qed jingrana speċjalment issa għal żmien Santa Matija. Imma n-nuqqas tal-Maltin qed jinħass speċjalment wara s-sena li għaddiet,” kompla jisħaq.  

‘L-effett tar-riċessjoni beda jinħass’ 

Iżda hemm aktar fatturi li fi kliem Muscat qed iħallu l-effett tagħhom, inkluż ir-riċessjoni, jiġifieri ż-żieda fil-prezzijiet, inkluż dawk tal-ikel u x-xorb.  

Fi kliem Muscat, l-effett tar-riċessjoni beda jinħass u dan qed ikun ikkonfermat mis-sidien tal-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb, bħalma huma r-ristoranti. 

“L-effett beda jinħass anke min-nies tal-lokal stess. Hemm tnaqqis fil-frekwenza. Min kien joħroġ jiekol barra darbtejn, issa forsi joħroġ darba,” insista. 

Il-gwerra fl-Ukrajna, fakkar Muscat, ukoll qed tħalli l-effett tagħha fuq il-prezzijiet tal-ikel u x-xorb. 

‘L-ispejjeż żdiedu l-aktar fil-pagi tal-ħaddiema’ 

Apparti dan kollu, Muscat saħaq li żdiedu wkoll l-ispejjeż għas-sidien ta’ dawk kollha involuti fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità. 

Muscat fakkar fi studju li ġie ppubblikat din il-ġimgħa u li sar mill-GTA stess u li wera li l-akbar żieda fl-ispejjeż għas-sidien kienet fil-pagi tal-ħaddiema. 

Fakkar li s-settur kollu tat-turiżmu u tal-ospitalità għandu l-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u għalhekk ħafna kellhom jgħollu l-pagi bit-tama li jattiraw aktar ħaddiema jersqu lejn dan ix-xogħol. 

“Inti tibda tara x-xogħol ġej imma riżorsa umana ma jkollokx. Xi ħaġa trid tagħmel,” kompla jisħaq. 

‘Mhux dejjem ikollok kontroll ... imma diffiċli tippjana’ 

Muscat kompla jgħid ukoll li għal min jaħdem f’dan is-settur, jiġu sfidi li kontroll fuqhom ma hemmx. Hekk kienet l-isfida tal-pandemija jew inkella l-gwerra fl-Ukrajna. 

Daqstant ieħor huwa t-tħassib u d-diskussjoni li għaddejja bħalissa fuq livell Ewropew dwar il-possibbilità li tkun introdotta taxxa fuq il-fjuwil tal-ajruplani. 

Muscat fakkar li jekk din it-taxxa tkun introdotta, dan se jkun ifisser li se jiżdiedu l-prezzijiet tat-titjiriet u jkun hemm min ma jibqax jaffordja jsiefer ta’ spiss. 

“Fuq xi ħaġa hekk ma jistax ikollok kontroll,” saħaq Muscat waqt li insista li sfidi bħal dawn iżidu l-inċertezza għall-futur, inkluż meta xi sid jiġi biex jinvesti jew iwettaq xi xogħlijiet fuq l-istabbiliment tiegħu. 

More in Politika