Il-mexxejja ta' 40 pajjiż ewropew - inkluż il-Prim Ministru Robert Abela - jinsabu fi Praga f'laqgħa storika illi matulha qed tkun diskussa l-gwerra fl-Ukrajna, fost oħrajn.
Fost il-mexxejja l-oħrajn hemm dawk tar-Renju Unit, it-Turkija, in-Noverġja u l-pajjiżi Baltiċi filwaqt li l-mexxej Ukren Volodomyr Zelensky tkellem waqt dan is-summit virtwalment.
Il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz qal illi din il-laqgħa - li qed tissejjaħ il-European Political Community - hija inovattiva u l-President Franċiż Emmanuel Macron qal illi dan il-forum qed jibgħat messaġġ ta' għaqda.
Minkejja l-kummenti pożittivi l-Prim Ministru Ingliż Liz Truss għamiltha ċara li din l-inizzjattiva mhijiex altarnattiva għall-Unjoni Ewropea u li l-inizjattiva mhijiex magħmula biex ir-Renju Unit tersaq lejn l-UE iżda biex taħdem magħha fuq kwistjonijiet li lkoll niffaċċjaw bħala kontinent. Minkejja dan, kienu bosta analisti li ddeskrivew il-preżenza tagħha f'dan is-summit bħala "fażi ġdida fir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea."
Zelensky qal illi flimkien l-ewropa tista' tifa' s-saħħa kollha tagħha biex tieqaf il-gwerra u tkun garantita l-paċi għat-tul, għall-Ewropa u anke għad-dinja.