Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li 350 persuna, li jaħdmu mal-Air Malta, applikaw biex jirċievu s-somma għall-iskema tal-irtirar kmieni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, il-Ministru ma tax dettalji dwar kemm se tkun din is-somma. Qal li din għad trid tkun ikkalkulata biex ikun żgurat li ma jsirux żbalji.
L-iskema tħabbret fl-aħħar ġimgħat bħala parti mill-pjan ta' ristrutturar tal-Air Malta li fost oħrajn rat kif tnaqqas il-ħaddiema tagħha biex ma jkunx hemm ħela ta' riżorsi u flus.
Il-gazzetta ILLUM kienet irrapportat li l-Gvern se jorbot lil dawk il-ħaddiema kollha tal-Air Malta li se jkunu qed japplikaw għall-iskema ta' rtirar kmieni, biex b'hekk ma jkunux jistgħu jiddaħħlu f'ebda tip ta' impjieg mal-Gvern fis-sitt snin ta' wara li jsir il-ftehim magħhom.
F'kuntatt mal-ILLUM, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien kkonferma dan kollu u sostna li din il-kundizzjoni hija "ġusta" u li hija waħda li tilħaq il-bilanċ meħtieġ u li "tirrispetta t-taxxi tal-poplu."
Intant, dalgħodu wkoll, il-Ministru qal li wħud mill-ħaddiema tal-Air Malta xorta waħda għadhom jirċievu l-paga minkejja li mhux qed imorru għax-xogħol. Qal li dawn huma dawk il-ħaddiema li rrifjutaw l-iskema tal-irtirar kmieni u minflok għażlu l-iskema volontarja għat-trasferiment tal-impjieg.
Dawn il-ħaddiema li għażlu din l-iskema, se jkunu qed jingħataw impjieg ieħor mal-Gvern bl-istess ħlas.
Qal ukoll li għadhom għaddejin id-diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea biex ikun iddeterminat il-futur tal-Air Malta.