Carmel Cacopardo, iċ-Chairperson tal-ADPD - The Green Party talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga kuntratt ta' xogħol mogħti mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) lid-Deputat Rosianne Cutajar.
Dan qalu fid-dawl ta' chats li kellha Cutajar stess mas-sid ta' 17 Black u l-akkużat tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech. Fihom hija qalet li "kulħadd jitħanżer" u allura hija kienet se tkun konsulent l-ITS.
Fit-talba tiegħu Cacopardo qal li l-kuntratt jistabilixxi li Cutajar kellha tagħti servizz lill-ITS fil-qasam ta' amministrazzjoni finanzjarja meta hu fatt magħruf li din ma għandha l-ebda kompetenza f'dan il-qasam.
Cacopardo talab biex ikun stabbilit jekk kienx hemm każ ta' abbuż fl-użu ta' fondi pubbliċi f'dan il-każ mill-ITS "bil-ħolqien ta' impjieg fittizju intenzjonat biss biex jiffaċilità t-tħanżir."