Aktar minn 300 persuna tattendi għal-laqgħa ta' konsultazzjoni dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi

Il-liċenzjar qiegħed jiġi propost bil-għan li jdaħħal aktar regolarizzazzjoni u dixxiplina fi ħdan is-settur tal-kostruzzjoni 

Wara t-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-obbligu ta' liċenzja għall-kuntratturi fl-industrija tal-Kostruzzjoni, li saret fit-13 ta’ Marzu, ilbieraħ kienet organizzata l-ewwel laqgħa minn sensiela ta laqgħat ta’ konsultazzjoni. Din l-ewwel laqgħa saret fl-iskola Sekondarja Maria Reġina, fiż-Żokrija, il-Mosta. Għal din il-laqgħa attendew numru kbir ta’ kuntratturi li joperaw f’dan is-settur kif ukoll bennejja, b’total ta’ aktar minn 300 persuna. L-Awtorità temmen li din l-attendenza kienet xhieda tal-interess kbir li hawn f’dawn ir-regolamenti proposti sabiex din l-industrija tassew tkun imsaħħa u jogħla l-livell talkwalità tagħha.

Infakkru li l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi qal fil-programm Mill-Kamra li l-liċenzjar tal-kuntratturi se jdaħħal sens ta' dixxiplina, "għax jekk wieħed jonqos din tista’ tiġi revokata, bħal meta jkollok liċenzja tal-karozza.”

Il-laqgħa tmexxiet mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, is-Sur Jesmond Muscat, assistit mic-Chairman tal-Awtorità u uffiċjali għolja mill-istess Awtorità. Fil-bidu ta’ din il-laqgħa Muscat spjega li dan l-abozz ta’ Avviż Legali qed ikun propost għad-diskussjoni u permezz ta’ laqgħat bħal dawn, l-Awtorità se tkun qed tgħarbel dak kollu li qed jgħidu l-partijiet interessati. Huwa qal li permezz ta’ dawn ir-regolamenti l-ġodda li jibdew jidħlu fis-seħħ f’Ġunju li ġej, l-Awtorità qed tara li s-settur tal-kostruzzjoni jkun regolarizzat u jkun hawn aktar serjetà fix-xogħol. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għamel preżentazzjoni viżiva lil dawk kollha preżenti għal-laqgħa li matulha ta dettalji tal-proposti li wieħed isib fl-abbozz tal-Avviż Legali. Huwa ta dettalji dwar iż-żmien meta kuntrattur għandu japplika għal-liċenzja biex ikun jista’ jibqa' jopera.

Min diġà qed jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar jew bini jrid japplika sal-31 t’Ottubru li ġej biex ikun jista’ jkompli jaħdem. Huwa enfasizza li wara l-1 ta’ Jannar 2025 kull minn irid jaħdem fl-industrija tal-kostruzzjoni jrid ikollu liċenzja sabiex jopera. Matul il-laqgħa saru diversi interventi minn dawk preżenti li ntlaqgħu mill-Kap Eżekuttiv li stqarr li l-Awtorità qed tinnota kull kumment u wara l-evalwazzjoni tara fejn ikun hemm lok li jsir tibdil biex ilqafas tar-regolamenti jkompli jissaħħaħ u jitjieb.

Fil-ġimgħat li fadal, sa tmiem il-perjodu tal-Konsultazzjoni Pubblika se jsiru aktar laqgħat ta’ informazzjoni. Il-laqgħa li jmiss se ssir nhar it-Tlieta 4 ta’ April fis-6pm fl-iskola Sekondarja San Benedittu, Ħal Kirkop.

More in Politika