Il-Gvern jitlob laqgħa ta' konċiljazzjoni mal-MUMN

F'Marzu l-unjin ħabbret azzjonijiet industrijali għax sostniet li l-Gvern qalilha li 'm'hemmx flus għall-ħaddiema' 

Wara xhur ta’ negozjat,i li matulhom saru 13-il laqgħa dwar il-ftehim kollettiv ġdid għall-infermiera u għall-qwiebel, il-Gvern talab laqgħa ta’ konċiljazzjoni mal-unjin li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema, l-MUMN. Dan skont dak li jipprovdi l-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku. 

F'Marzu li għadda f'konferenza tal-aħbarjiet il-President tal-MUMN sostna illi l-Gvern qalilhom illi ''n'hemmx flus għall-ħaddiema'. Dakinhar, l-Unjin ressqet numru ta' miżuri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-membri tagħha. Dawn jinkludu pensjonijiet ogħla u inqas intaxxar fuq is-sigħat maħduma bħala overtime. Minkejja dan, il-Gvern ċaħad dawn it-talbiet għax dawn kienu se jiswew miljuni ta' ewro mit-taxxi tal-poplu. 

Fl-istqarrija tiegħu, il-Gvern sostna li din hi azzjoni meħtieġa biex ikun assigurat li anke f’mument fejn għaddejjin taħdidiet dwar ftehim kollettiv li immaturaw, pazjenti vulnerabbli jingħataw il-kura meħtieġa u għalhekk l-appell biex in-negozjati jsiru f’dan l-ispirtu ta’ "buona fede u responsabbiltà" lejn dawk li jeħtieġu s-servizz tas-saħħa. 

Il-Gvern insista li b'mod kosistenti, f'dawn il-laqgħat ressaq numru ta' proposti min-naħa tal-Gvern bil-għan li jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tal-infermiera.

"Il-proposti ippreżentati lill-MUMN f’dawn in-negozjati kienu saħansitra mtejjba diversi drabi. Għalhekk li f’dan il-mument - fejn tant pazjenti qed ikunu milquta minn azzjonijiet industrijali mhux ġustifikati u raġonevoli u fil-kuntest ta’ żidiet sinjifikanti proposti mill-Gvern - il-Gvern qed jagħżel li jitlob dan il-proċess ta’ konċiljazzjoni," spejga l-Gvern. 

Fl-aħħar tal-istqarrija, il-Gvern saħaq li din il-laqgħa se tissejjaħ b'responsabbiltà kemm lejn il-ħaddiema li jrid itejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom u kemm lejn il-pazjenti li għandhom dejjem jingħataw kull kura meħtieġa.

Aqra aktar: 'M'hemmx flus għall-ħaddiema' Aktar minn 4,000 infermiera u qwiebel b'azzjoni industrijali

More in Politika