Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-kummenti ‘irresponsabbli’ u ‘perikolużi’ li l-Prim Ministru għamel fil-konfront tal-ġudikatura.
Sostna dan il-kelliem Nazzjonalista fuq il-ġudikatura Karol Aquilina permezz ta’ stqarrija fejn fiha rringrazzja u sellem lill-Imħallfin u lill-Maġistrati kollha li qegħdin jaqdu d-dmirjiet tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.
L-istqarrija qalet ukoll li l-PN għandu “fiduċja sħiħa fl-Imħallfin u l-Maġistrati kollha ta’ pajjiżna li għandhom id-dehen, l-għerf u l-kuraġġ meħtieġa biex jaqdu d-doveri tagħhom“. Barra minn hekk l-istqarrija qalet li l-ġudikatura qatt m’għandhom iċedu għall-“pressjoni inġusta u abbużiva li qiegħed jagħmel Robert Abela”.