“Il-pajjiż hemm bżonn jiddikriminalizza l-abort, imma mhux b’referendum”
L-artista u l-attivista Rachelle Deguara hi wiċċ ġdid fl-isfera politika. Imma min hi Rachelle? Għaliex ħierġa mal-ADPD? X'taħseb Rachelle dwar suġġetti kontroversjali bħall-immigrazzjoni u l-abort?
minn Luigi Sghendo
Min hi Rachelle Deguara?
Artista, attivista u issa politikanta. Miż-Żejtun, u għal dawn l-aħħar sena u nofs, qed noqgħod iż-Żurrieq. Għandi studio u l-ħanut hemmhekk għax għandi żewġ intrapriżi żgħar.
Bħala artista kont fil-produzzjoni kontroversjali “Counting down” li ltaqgħet ma’ ċerta ċensura. Kif ħassejtek?
Mhux qisha, anzi ċensura kienet. Il-biċċa xogħol kienet ta’ Dali. Kien id-direttur ta’ dik il-biċċa xogħol u parti mit-teżi tiegħu. Kienet performance pubblika li xtaqna nagħmluha faċċata Spazju Kreattiv għaliex il-proġett kien appuntu qed isir ma’ Spazju Kreattiv, faċċata tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-Kunsill Lokali ħareġ il-permess iżda l-Uffiċċju tal-Prim Ministru neħħieh. Ovvjament din hija ċensura għax aħna ma stajniex nipprattikaw l-arti tagħna, wara li anke nħareġ il-permess. Dan jgħid ħafna dwar l-arti nnifisha għax din kienet dwar l-oppressjoni sistematika f’Malta, f’diversi sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi differenti u tgħid ħafna fuq in-nies fil-poter li ma xtaqux li din l-arti ssir quddiem il-bieb tagħhom.
Insomma mbagħad irranġaw l-affarijiet xħin indunaw xi żball oħxon kienu ħa jagħmlu, u stajna nkomplu, u fil-fatt intlaqgħet tajjeb ħafna.
Tħoss li ċ-ċensura għadha teżisti fl-arti?
Niltaqa’ l-ħin kollu magħha. Il-ħin kollu. Imma nsejħulha ċensura under the radar għax fil-verità ġieli jistennew minnek li tiċċensura lilek innifsek. Ġaladarba ma tiċċensurax lilek innifsek, taqbad tiltaqa’ ma’ diffikultajiet fil-prattika tiegħek.
Bħalissa qed nirriċerkaha din il-ħaġa; l-irwol ta’ meta xi ħadd li joħloq l-arti li tiżvela suġġetti investigattivi. Din hija l-prattika tiegħi, imma iva, niltaqa’ magħha ħafna. Inħossni li, sfortunatament, id-demokrazija mhux qed titħalla taħdem, għaliex bħala artista f’pajjiż demokratiku, mhux nitħalla naħdem kif nixtieq.
Tfajt ismek għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. X'ħajrek?
Jien inħoss li ħafna affarijiet milli nagħmel huma politiċi, minkejja li ma kontx politikanta. L-arti tiegħi, fost oħrajn, hi att politiku. L-attiviżmu hu l-att politiku.
Ġejt avvinċinata mill-kandidat Mina Tolu biex ngħinhom fil-kampanja bi proġett artistiku u kienu qed jgħiduli kif jixtiequ kandidata oħra. U għidtilhom ‘mhux tniżżluni, għaliex le?’ Diġà involuta fil-politika, u nixtieq li nissapportjakom.
Meta tikkunsidra l-ambjent politiku fil-pajjiż, ma taqtax qalbek li ħriġt ma’ partit żgħir?
Lanqas xejn, anzi ttini l-kuraġġ. Jiena ġejja minn familja Laburista, u bdejt naħdem fil-politika l-ewwel mal-Partit Laburista. Kont nattendi l-korsijiet tagħhom, u kont ninteressa ruħi. Imma meta xammejt x’inhu ġej, u xammejt dik il-korruzzjoni, rajtha problematika għalija li nibqa’ nissieħeb ma’ partit li mhux nadif. Jien irrid nagħmel politika nadifa u trasparenti, u ma nistax nassoċja ruħi, jew nara affarijiet ultraproblematiċi għaddejjin quddiemi, u ma naġixxix.
Għalhekk iddeċidejt li naħdem mal-Partit tal-Ħodor, li lili iktar qed jagħmilli kuraġġ nagħmel politika nadifa u politika aħjar minn dak li qed nesperjenzaw bħalissa. Iċ-ċittadin ħaqqu aħjar.
Bħala żagħżugħa, kien hemm mumenti fejn qtajt qalbek u xtaqt tmur barra minn Malta?
Lanqas xejn għax jien Malta ttini l-enerġija. Dan hu l-mod kif se nagħti lura lil pajjiżi. Malta togħġobni u nixtieq naħdem f’dan il-pajjiż. Qed naħdem u nipprattika f’dan il-pajjiż. Ma tgħaddilix minn rasi. Naħseb li kull problema hi opportunità li nistgħu nsibu soluzzjoni li kulħadd jiggwadanja minnha. Dan minflok ma nweħħlu f’dak u fl-ieħor, u naħarbu mill-problema.
Bħala kandidata, x’għandek x’toffri li ħaddieħor m’għandux?
Naħseb għandi ħafna enerġija żagħżugħa, u nista’ nifhem il-kuntest mill-perspettiva tan-nies fit-triq. Anke kif bdejt il-mużika, kont ngħanni ż-Żejtun. Kont nikteb il-poeżiji, politika u kritika. Xtaqt li tibda tasal għand in-nies, allura għażilt li nwassal il-messaġġ permezz tal-istil rap.
Illum il-ġurnata qiegħda hawn – u naħseb dik hi l-enerġija li għandi x’noffri.
X’kien il-feedback li kellek s’issa?
Interessanti ħafna u eċitanti. Kien feedback tajjeb immens. Kelli kritika kostruttiva li dejjem napprezzaha u eċitata biex inkompli nisma’ x’għandhom x’jgħidu n-nies.
Xtaqt inżuru xi temi li bħalissa huma kontroversjali fl-Unjoni Ewropea, u anke xi sfidi. Nibdew bil-kunflitti u l-proposti għall-armi. Għandhom l-istati membri jarmaw ruħhom?
Jiena naħseb li pajjiż jargumenta li jrid ikun newtrali dejjem hija problema. Għalija n-newtralità ma teżistix. Meta persuna tagħżel li tkun newtrali, tkun qed tieħu l-pożizzjoni tal-oppressur.
Naħseb li dik dejjem problematika.
Jiena m'iniex studjuża f’dawn it-temi, imma lesta li naħdem ma’ min studjahom b’reqqa biex nieħu pożizzjoni li hija għaqlija.
X’taħseb fuq it-tema tal-immigrazzjoni?
Jiena nħoss li kull persuna, f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt, għandha tingħata l-ewwel għajnuna, kemm medika u anke oltre. Jien ma nistax nifhem li jkollok xi ħadd qed ibati ftit ’il bogħod minnek u tħallih imut.
Nemmen li vera importanti nieħdu ħsiebhom u naraw li mhux qegħdin f’sitwazzjoni ta’ tbatija u wġigħ. Imbagħad minn hemm, ċerta li nistgħu nsibu s-soluzzjonijiet flimkien.
Xi twieġeb lill-persuni li jgħidulek li Malta full-up?
Jiena naħseb din il-mentalità problematika ħafna. Ma taħdimx hekk. L-ewwel nett għandek il-kwistjoni tat-turiżmu, b’reklami dejjem għaddejjin ħalli jiġu aktar turisti peress li t-turiżmu l-ekonomija tagħna.
Orrajt, qed inġibu n-nies bit-turiżmu, imma n-nies mit-turiżmu min se jieħu ħsiebhom? Għax jekk inti tmur f’servizz bażiku u tmur tixtri għand tal-merċa, tmur tiekol filgħaxija, tmur lukanda ... qed naraw nies, mhux Maltin, li jgħaddu lil dawn it-turisti.
Taħseb li l-Gvern qed jagħmel biżżejjed għall-ambjent?
Dażgur li le! Jien personalment kont insuq ir-rota, u kont nieħu gost insuqha. Sakemm darba kont se nispiċċa bi żbrixx f’aċċident ikrah li kien se jeħodli ħajti u ddeċidejt li nieħu pass lura mir-rota.
Issa għalija din problematika minnha nfisha għax suppost l-infrastruttura qiegħda hawn biex taqdi liċ-ċittadin, u jekk jien m’għandix l-infrastruttura biex inkun nista’ nasal minn post għall-ieħor, li bil-karozza normalment tieħu ħames minuti, x’qed nagħmlu? Din hija xi ħaġa bażika.
Prova għaddi, pereżempju, minn taħt il-flyover tal-Marsa. Hi wisq kumplessa li naqsam minn post għall-ieħor.
Din hi parti kbira mill-ambjent. Għax m’għandniex l-infrastruttura, dan l-aħħar jumejn kellna standstill ta’ traffiku għax mhux nużaw ir-rota, u ma nistgħux nimxu, u taqa’ awtomatikament li ddur għall-karozza.
Jien l-ewwel waħda, mea culpa, li nispiċċa nikkontribwixxi anke għal aktar karozzi, għal aktar fossil fuels.
Il-ġimgħa l-oħra numru ta’ intervisti mal-Eċċellenza l-President Myriam Spiteri Debono qajmu l-punt tal-abort. Mingħajr ma nistaqsik jekk intix kontra jew favur, taqbel mal-Eċċellenza li għandu jkun referendum li jieħu d-deċiżjoni?
Tista’ tistaqsini direttament jekk naqbilx għax jien favur l-għażla. Favur li dan il-pajjiż jiddikriminalizza l-abort, imma ma naqbilx li dan għandu jasal b’referendum.
Din hi kwistjoni personali ħafna, u dik id-deċiżjoni, persuna għandha teħodha għaliha nnifisha.
Nafu li f’Malta jsir l-abort, allura referendum għaliex? Il-liġijiet tal-abort f’Malta bħalissa huma elitisti ħafna, għax nafu li jekk għandek il-flus tmur tagħmel abort barra. Min m’għandux flus qed jagħmel l-abort f’pajjiżna. F’għajnejn il-liġi dawn huma kriminali. Din trid tinbidel.
Waqt il-pandemija, minħabba restrizzjonijiet tas-safar, ma setgħux jagħmlu abort barra. Dan wassal biex ir-rata ta’ persuni li jġibu l-pirmli f’Malta kibret. Allura hija importanti li l-abort jiġi dikriminalizzat għax in-nies xorta qed jagħmlu l-abort bil-modi tagħhom.
Ġaladarba semmejt li inti favur l-għażla, ħassejtek traduta mill-Gvern meta għal ftit mumenti offra l-opportunità, imma l-kumment li d-diskussjoni bdiet, ħa kollox lura?
Dażgur li ħassejtni traduta! Bħala mara hija sitwazzjoni prekarja ħafna li tinqabad tqila b’dawn il-liġijiet. Rajna każijiet differenti, u rajna kemm tista’ tkun sitwazzjoni stressanti li jkollok bżonn proċedura medika bħal din u titħalla titmermer waħdek!
Għalhekk ħassejtni traduta ... u ċerta li mhux waħdi għax dan mhux mod kif tagħmel il-politika. Għalhekk qegħdin hawn aħna biex inbiddluha ftit ftit.