Mil-Lvant Nofsani; L-Ambaxxatur Aquilina jinqabad fl-attakki tal-Iran fuq Iżrael
Il-biża’, id-dubju, it-tħassib; Franklin Aquilina jiftaħ aktar dwar l-emozzjonijiet li qed iħoss ’il bogħod minn xtutna. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Aquilina, wara li nqabad fl-attakki tal-Iran fuq Iżrael.
minn Marianna Calleja
Il-biża’, id-dubju, it-tħassib; Franklin Aquilina jiftaħ aktar dwar l-emozzjonijiet li qed iħoss ’il bogħod minn xtutna. L-Ambaxxatur Malti għall-Palestina, jemmen li wieħed għandu jibqa’ jaqdi dmirijietu fil-pajjiż li jintbagħat fih sakemm jista’, b’rispett lejn ir-relazzjonijiet bilaterali. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Aquilina, wara li nqabad fl-attakki tal-Iran fuq Iżrael.
Qed naraw pajjiżi oħra issa involuti fil-kunflitt. Kif tista’ tispjega l-aħħar żviluppi?
Sfortunatament qed nassistu għal dak li ħafna pajjiżi, inkluż Malta fuq quddiem nett, ilhom iwissu li se jasal. Il-kunflitt fil-Lvant Nofsani, li ilu għaddej għal għexieren ta’ snin, ħa żvolta għall-agħar wara l-attakk terroristiku mill-Ħamas u gruppi oħra, fuq Iżrael fis-7 t’Ottubru tas-sena l-oħra. Il-gwerra qalila fuq Gaża li segwiet kellha mill-ewwel potenzjal li tinfirex mar-reġjun, partikolarment bl-involviment ta’ gruppi militanti oħra, kif ukoll tal-Iran.
Malta kif tipperċepixxi l-implikazzjonijiet usa’ tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina fuq l-istabbiltà reġjonali fil-Lvant Nofsani, speċjalment fir-rigward ta’ atturi ewlenin oħra bħall-Eġittu, il-Ġordan, u l-Libanu?
L-interessi ta’ Malta dejjem kienu konsistenti fuq l-importanza tal-Paċi fil-Lvant Nofsani, reġjun ġar tagħna. Dejjem insistejna b’konvinzjoni fuq soluzzjoni paċifika ta’ żewġ stati, fejn Iżrael u l-Palestina jgħixu bħala żewġ stati, fis-sigurtà li jixirqilhom, u skont ir-Reżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Nifhmu wkoll l-importanza ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun u napprezzaw l-impenn tagħhom għall-istabbiltà. Kemm il-Ġordan u anke l-Eġittu għandhom trattati ta’ paċi ma’ Iżrael, u tali trattati jgħinu sabiex il-kunflitt ma jinxteridx kemm jista’ jkun.
Kif qed tevolvi l-pożizzjoni ta’ Malta fid-dawl tal-eskalazzjonijiet riċenti?
Kif spjegajt, l-interessi ta’ Malta dejjem kienu konsistenti fuq l-importanza tal-Paċi fil-Lvant Nofsani. Ma jistax jonqos għalhekk li ninsabu mħassbin ħafna kif qiegħda tkompli teskala s-sitwazzjoni. Imħassbin, mhux biss fuq l-eskalazzjoni fil-Libanu, f’Iżrael innifsu, mal-Iran u l-gwerra f’Gaża, izda wkoll dwar dak li għaddej fix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant. Ninsabu preokkupati dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’dawn il-postijiet, partikolarment f’Gaża, fejn inqatlu aktar minn 41 elf Palestinjan. Ma rridux ninsew ukoll li għad hemm fuq mitt Iżraeljan maqbud ostaġġ mill-Ħamas u gruppi oħra f’Gaża waqt li r-rockets sparati lejn Iżrael ma waqfux, partikolarment fit-Tramuntana tal-pajjiż. Allura, il-pożizzjoni ta’ Malta evolviet, mhux biss fl-appelli konsistenti tagħha għall-waqfien mill-ġlied immedjat u għar-rispett lejn il-Ligi Internazzjonali, iżda wkoll favur żieda bla preċedent f’għajnuna umanitarja li tant jeħtiġuha eluf kbar ta’ nies fir-reġjun.
Inti stess kellek issib il-kenn ta’ xelter sakemm imxejt lejn postijiet aktar siguri, speċjalment meta bdew jiġu sparati missili lejn Iżrael mill-Iran. X’ħassejt dak il-ħin?
Naturalment, it-tensjoni ilha tinħass allura wieħed ikun lest għal dawn l-eventwalitajiet. Fost l-oħrajn hemm kamra msejħa bħala safe room jew xelter li tkun mgħammra għal dawn is-sitwazzjonijiet. Minkejja dan, is-sentiment ta’ biża’ ma jonqosx. Mhux biss il-biża’ ta’ dak il-ħin, sakemm jispiċċa l-attakk, iżda wkoll dubju dwar x’inhu ġej, dwar x’se tkun ir-ritaljazzjoni li ovvjament tista’ tkabbar iċ-ċiklu ta’ vjolenza.
Kien hemm mumenti fl-aħħar xhur li ħassejtek beżgħan għal ħajtek, jew anzjuż, tant li ridt tirritorna lura Malta u tkompli xogħlok minn hawn? Ġejt offrut li tkompli xogħlok minn Malta mill-Gvern?
Il-kuntantti tiegħi mal-awtoritajiet fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll mal-kollegi f’Tel Aviv, huwa ta’ spiss, prattikament kuljum. Anki fi ġranet bħal dawn. U hawn nixtieq nuri apprezzament għas-sapport kontinwu tal-Ministeru f’dawn iċ-ċirkustanzi fejn spiss jiġu diskussi għażliet differenti. Inħoss li s-sens ta’ servizz u ta’ dover, kif ukoll is-sigurtà personali, għandhom jinżammu quddiem moħħna u jintlaħaq bilanċ tajjeb sabiex wieħed jibqa’ jaqdi dmirijietu fil-pajjiż li jintbagħat fih kemm jista’ jkun possibbli, anki b’rispett lejn ir-relazzjonijiet bilaterali.
Taf b’Maltin oħra li għadhom fil-Palestina?
Sakemm qiegħed ngħaddi dawn il-kummenti m’aħniex infurmati li hemm Maltin fit-Territorju okkupat Palestinjan.
Bis-sitwazzjoni umanitarja dejjem tmur għall-agħar, liema passi qed tieħu Malta biex tappoġġja lill-Palestinjani milquta mill-kunflitt? Hemm xi kordinazzjoni ma’ NGOs jew organizzazzjonijiet internazzjonali għall-għajnuna?
L-ewwel nett Malta kienet, għadha u se tibqa’ tagħti sehem sħiħ fil-Ġnus Magħquda, u f’fora oħra reġjonali u internazzjonali permezz ta’ dikjarazzjonijiet, voti u inizjattivi sabiex, mhux biss ikun hemm waqfien mill-ġlied, iżda jkun hemm soluzzjoni paċifika għall-kunflitt. Dawn huma pożizzjonijiet li Malta mhux se tabdika minnhom. Bħala membru tal-Unjoni Ewropea Malta tikkontribwixxi wkoll b’miljuni ta’ ewro li l-UE tagħti lill-Awtorità Palestinjana, indipendentament mill-Gwerra f’Gaża, kif ukoll f’għajnuna umanitarja oħra li l-Unjoni qiegħda toffri.
Fl-aħħar sena, però, Malta żiedet, anzi rduppjat, id-donazzjonijiet tagħna lejn L-UNRWA, l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda li tħares il-bżonnijiet tar-Refuġjati Palestinjani, u li ntlaqtet ħażin ħafna f’Gaża. Malta wkoll ikkontribwiet finanzjarjament lill-Organizzazzjani World Central Kitchen u organizzazzjonijiet oħra. Ma ninsewx ukoll li Malta ospitat numru ta’ tfal Palestinjani għall-kura meħtieġa.
Malta tibqa’ timpenja ruħha f’għajnuna umanitarja li tista’ toffri. Fejn tidħol Malta, dan il-kunflitt wera, għal darb’oħra, kemm għandha x’toffri bil-politika barranija tagħna. Kontribut li, nassigurak, huwa apprezzat minn ħafna, anki f’dan ir-reġjun.
Li nafu sa issa dwar l-attaki mill-Iran
Aktar minn 200 missila ġew sparati lejn l-Iżrael mill-Iran nhar it-Tlieta bil-lejl. Il-forzi militari Iżraeljani qalu li l-maġġoranza tal-missili ġew interċettati, iżda ftit minnhom laħqu ċ-ċentru u n-nofsinhar ta' Iżrael. L-unika persuna rrappurtata li tilfet ħajjitha kienet raġel Palestinjan fil-Ġordan,
Il-Forzi ta' Difiża Iżraeljana (IDF) qalu li l-attakk kien jinvolvi aktar minn 180 missil, waqt li l-midja tal-Iran irrappurtat li ġew sparati madwar 200 missil. Fl-istess waqt il-midja Ingliża spjegat li dan l-attakk kien wieħed mil-agħar.
Matul l-attakk, sireni taw indikazzjoni sabiex il-popolazzjoni ta' 10 miljuni kollha tidħol fil-bunkers. Filmati fuq il-midja soċjali wrew missili jtiru fuq Tel Aviv u anke Ġerusalemm.
L-istrutturi ta' difisa tal-arja interċettaw ħafna mill-missili, iżda ħsara saret f'ħafna żoni, speċjalment fi ħdan l-inħawi ta' Tel Nof u l-bażi tal-ajru Nevatim.
Nhar l-Erbgħa, l-IDF qalet li diversi bażijiet tal-forza tal-ajru soffrew ħsara fl-attakk tal-missili, iżda l-inġenji tal-ajru ma kellhom l-ebda ħsara.