39 persuna mmultata għall-użu tal-kannabis f’postijiet pubblici
Skont l-istess ċifri, 30 persuna ġew arrestati għax kellhom iktar minn erba’ pjanti ta’ kannabis fid-dar tagħhom għall-użu personali
More in Politika
Skont l-istess ċifri, 30 persuna ġew arrestati għax kellhom iktar minn erba’ pjanti ta’ kannabis fid-dar tagħhom għall-użu personali
Tliet snin wara li Malta legalizzat parzjalment l-użu u d-distribuzzjoni tal-kannabis, 39 persuna ġew immultati talli użaw id-droga f’postijiet pubbliċi, skont ċifri ppreżentati fil-parlament.
F’wieħed mill-każijiet, persuna ġiet immultata għax kienet qed tpejjep il-kannabis fil-preżenza ta’ tfal, li huwa reat iktar serju li jista’ jġorr multa aktar għolja.
Din l-informazzjoni ġiet ippreżentata mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, b’risposta għal mistoqsijiet tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo.
Skont ir-riformi attwali, il-ġarr ta’ sa 7g ta’ kannabis fil-pubbliku huwa permess, iżda t-tipjip f’postijiet pubbliċi huwa pprojbit u jista’ jwassal għal multa ta’ sa €235. Tipjip quddiem minorenni, irrispettivament mill-post, jista’ jwassal għal multa ta’ sa €500.
Skont l-istess ċifri, 30 persuna ġew arrestati għax kellhom iktar minn erba’ pjanti ta’ kannabis fid-dar tagħhom għall-użu personali. Fi tliet każijiet minn dawn, il-pjanti kienu qed jitkabbru fil-preżenza ta’ tfal.
Il-liġi tippermetti individwi jkabbru sa erba’ pjanti ta’ kannabis fid-dar tagħhom għall-użu personali, iżda dawn ma jistgħux ikunu viżibbli mill-pubbliku jew ikunu kkoltivati fil-preżenza ta’ tfal.
Camilleri żvela wkoll li disa’ persuni ġew arrestati għax kellhom aktar minn 50g ta’ kannabis għall-użu personali fid-dar tagħhom. Il-liġi tippermetti l-pussess ta’ sa 50g ta’ kannabis fid-dar. F’żewġ każijiet, l-akkużati kellhom ukoll minorenni jgħixu magħhom.
Il-parlament Malti approva l-qafas legali ġdid f’Diċembru 2021, li jippermetti lil individwi ta’ 18-il sena jew aktar jużaw il-kannabis għal skopijiet rikreattivi. Għalkemm il-kannabis għadha meqjusa bħala droga illegali, regolamenti aktar laxki japplikaw għal utenti sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-kannabis u biex ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għal sorsi mhux regolati.
Il-liġi tippermetti lil utenti jixtru sa 7g ta’ kannabis kull 24 siegħa, bi limitu massimu ta’ 50g fix-xahar. Il-kannabis tista’ tixxtrieq minn klabbs liċenzjati, fejn l-utenti jridu jirreġistraw bħala membri.
Il-liġi rat il-ħolqien tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) biex tirregola s-settur u toħroġ regolamenti li l-klabbs iridu jimxu magħhom. Dawn l-għaqdiet għandhom jitmexxew bla profitt u jistgħu jkollhom sa massimu ta’ 500 membru kull wieħed.
L-utenti jistgħu jkabbru sa erba’ pjanti fid-dar għall-użu personali, iżda dawn ma jistgħux ikunu viżibbli minn barra d-dar. Minorenni taħt it-18-il sena ma jistgħux jużaw, iġorru, jew ikollhom kannabis taħt il-liġi attwali.