L-organizzazzjoni Repubblika qalet li tappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jiġi estiż it-terminu tal-preskrizzjoni fejn jidħlu investigazzjonijiet fl-imġieba ta’ persuni fil-ħajja pubblika.
“Inħeġġu lill-Parlament biex jemenda l-liġi biex it-terminu ta' preskrizzjoni ikun estiż kif qed jgħidu kemm il-Kummissarju kif ukoll l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD),” stqarret l-għaqda ċivili.
Ir-rakkomandazzjoni saret mill-Kummissarju wara li allega li kien hemm xi nuqqasijiet fid-dikjarazzjoni tal-assi tal-Prim Ministru għall-2022 u li dawn in-nuqqasijiet ma jistgħux jiġu investigati għax ġie preskritt.
Barra minn hekk, l-għaqda ċivili qalet li mhux talli t-terminu, li bħalissa huwa ta’ 30 jum, huwa wisq qasir, iżda li qed joħloq l-impressjoni li l-membri parlamentari jilagħbu mal-liġi biex l-imġieba tagħhom ma tiġix investigata.
“Ma jagħmilx sens li dawn il-Membri Parlamentari jiftaħru li neħħew il-preskrizzjoni fuq il-korruzzjoni u mbagħad iħallu terminu ta' preskrizzjoni daqshekk qasir fuq il-ksur tal-etika,” kompliet Repubblika fl-istqarrija tagħha.
L-organizzazzjoni temmet billi tgħid li jekk it-terminu jiġi estiż, ikun ittieħed pass kontra l-impunità u jkun intbagħat messaġġ li l-Parlament u l-politiċi huma favur l-imġieba xierqa.
“Minflok inaddaf ismu billi jipprova li hu mhux ħati, il-Prim Ministru jistaħba wara l-preskrizzjoni” – PN
Fir-reazzjoni tagħha għal dil-aħbar, il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Prim Ministru li qed jistaħba wara l-preskrizzjoni biex jevita t-trasparenza u investigazzjoni fl-imġieba tiegħu.
“Abela għamel użu mill-preskrizzjoni biex jevita investigazzjoni dwar [in-nuqqas fid-dikjarazzjoni tal-assi] – ammissjoni ċara ta’ ħtija mill-Prim Ministru li staħba wara teknikalità biex jiskolpa ruħu u jevita t-trasparenza f’dan il-każ,” stqarret l-oppożizzjoni.
Skont il-PN, dan juri wkoll li għall-Prim Ministru u l-ministri tiegħu tapplika liġi differenti minn dik li tapplika għan-nies normali.
Fil-fatt, fl-istess stqarrija l-oppożizzjoni qalet “waqt li l-ħaddiema u l-familji mistennija jiddikjaraw kull ċenteżmu u jħallsu t-taxxa fuq kull ewro li jaqilqgħu, Robert Abela u sħabu huma untouchable.”