46 sena ilu, l-aħħar forzi Britanniċi telqu l-gżira għall-dejjem u Malta illum tiċċelebra waħda mill-ħames festi nazzjonali bit-tellieqa tradizzjonali tar-regatta fil-Port il-Kbir u attivitajiet uffiċjali oħra fil-Birgu.
Il-banda tal-Forzi Armati ta' Malta jimxu minn Bormla sal-monument tal-Ħelsien fil-Birgu, warajhom jaslu il-Brigadier tal-AFM, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Prim Ministru Robert Abela u l-President Myriam Spiteri Debono.
Il-mexxeja tal-pajjiż imbagħad jħallu fjuri quddiem il-monument, sabiex jikommemoraw il-35 anniversarju mill-għeluq tal-bażi militari Ingliża.
L-iżjed avveniment li tkun mistennija llum hija t-tellieqa tar-regatta li ssir fin-12:30pm fil-Port il-Kbir. Dejjem ikun mistenni folol kbar ta' nies madwar ix-xatt sabiex jaraw t-tellieqa.
Ir-regatta hija affari taħraq, b'numru ta' timijiet jiġġieldu għall-famuża tarka li tintrebaħ mir-rebbieħa u tinżamm għal sena.
Għat-tellieqa tal-lum hemm il' fuq minn 200 qaddief li ħa jirrappreżentaw 7 lokalitajiet: Birżebbuġa, Bormla, l-Kalkara, il-Marsa, Marsamxett, l-Isla u l-Birgu.
It-timijiet jipparteċipaw f'għaxart itlielaq taħt żewġ kategoriji b' dgħajjes tradizzjonali Maltin bħall-frejgatini, il-kajjikki u d-dgħajjes tal-pass u tal-midalji.
Għal-ħafna, il-31 ta' Marzu hija festa pubblika bħall-oħrajn imma din il-festa tiċċelebra l-anniversarju tat-tluq tat-truppi Britanniċi u r-Royal Navy minn Malta fl-1979.
Wara li tela' l-gvern Laburista mmexxi minn Duminku Mintoff fl-1971, bdew in-negozjati mal-gvern Ingliż sabiex jiġi emendat il-ftehim tal-kera.
Fl-1972, wara disa' xhur ta' negozjati mal-Ingilterra, Mintoff fl-aħħar iffirma kuntratt li ta dritt lill-Ingilterra sabiex tuża lill-Malta bħala bażi navali għal seba' snin oħra.
Mintoff ma' rċeviex it-$72 miljun kull sena f'kera kif kien xtaq, imma minflok irċieva $36.4 miljun, kważi tliet darbiet kemm Malta kienet tirċievi qabel Mintoff beda jżid pressjoni sabiex jitilqu l-Ingliżi.
Fil-31 ta' Marzu fl-1979, l-aħħar Forzi Ingliżi telqu minn Malta fejn għall-ewwel darba ma kienx hawn preżenza militari barranija f'Malta. Wara l-Indipendenza fl-1964 u Repubblika 10 snin wara, meta telqu t-truppi Ingliżi, Malta saret indipendenti kemm fuq il-karta u kemm fil-verità.