Il-Pulizija teżamina karozza li allegatament intużat fir-reat
Il-qtil ta’ sid it-Tyson Butcher
minn John Pisani
L-investigaturi fil-każ tal-qtil ta’ Jonathan Pace ta’ 31 sena minn Ħal Għaxaq, magħruf bħala ta’ Tyson Butcher, u li kien qed joqgħod il-Fgura, qegħdin jiflu minn dak li fadal minn karozza li nstabet maħruqa li jidher hija l-istess waħda użata fil-qtil tiegħu. Il-qtil seħħ nhar il-Ħamis, 21 ta’ Awwissu, fil-Fgura u l-karozza nstabet l-Erbgħa, 27 ta’ Awwissu.
Minn aktar stħarriġ li għamlet il-gazzetta ILLUM jirriżulta li nhar l-Erbgħa li għadda l-Pulizija ġew informati li qrib ġnien f’Bormla kien hemm karozza maħruqa. Meta marru l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali sabu karozza tat-tip SUV maħruqa kompletament. Jirriżulta wkoll li l-Pulizija jinsabu konvinti li din il-vettura hija l-istess waħda li ntużat kemm fil-qtil ta’ Pace kif ukoll f’dak ta’ Ġużi Galea ta’ 58 sena mill-Marsa. Galea, magħruf bħala “il-Ġilda” nqatel fl-4 ta’ Frar fi Triq ix-Xemxija fil-Marsa, faċċata tad-dar tiegħu. Mhux eskluż li l-qattiela użaw l-istess arma biex wettqu ż-żewġ delitti, x’aktarx b’xi sub-machine gun.
Il-karozza li nstabet maħruqa ttieħdet mill-Pulizija fejn bdew isiru eżamijiet forensiċi. Minkejja li l-vettura nħarqet mill-qattiela biex jaħbu kull evidenza, il-Pulizija xorta waħda qegħdin jiflu kull traċċa u qed jittamaw li x-xjenza forensika tgħinhom biex ikollhom xi ħaġa fuq xiex jaħdmu. Min-naħa l-oħra kollox qed jindika li dawk li wettqu d-delitti huma professjonali u ġeneralment ma jħallu l-ebda traċċa warajhom.
Għalkemm din il-karozza kienet irrapportata misruqa minn sidha, il-Pulizija qatt ma rawha fit-triq. Fil-fatt jidher li l-kriminali għamlu użu minnha darbtejn biex wettqu dawn iż-żewġ omiċidji u bejn l-4 ta’ Frar, meta nqatel Galea u l-21 ta’ Awwissu meta nqatel Pace, din tħalliet moħbija.
Din il-gazzetta bagħtet diversi mistoqsijiet lill-Pulizija dwar is-sejba tal-karozza, imma għat-tmin mistoqsijiet li bgħatna, ngħatajna risposta waħda - “B’referenza għad-domandi tiegħek għandi ninfurmak li l-każ għadu suġġett għall-Inkjesta Maġisterjali għalhekk mhuwiex prudenti li nikkummentaw f’dan l-istadju.”
Għalkemm Jonathan Pace huwa minn Ħal Għaxaq, meta ngħata l-ħelsien mill-arrest fit-8 ta’ Awwissu fuq l-attentat ta’ qtil ta’ Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu”, huwa mar joqgħod il-Fgura fi Triq Mahatma Ghandi.
Nhar il-Ħamis, 21 ta’ Awwissu għall-ħabta tad-9.20pm, Pace ħareġ fil-gallarija u ftit wara waqfet karozza SUV quddiem ir-residenza u xi ħadd mill-istess karozza spara diversi tiri. Huwa ntlaqat f’sidru, riġlejh u partijiet oħra ta’ ġismu. Pace iddaħħal l-Isptar Mater Dei, iżda ftit tal-ħin wara miet kawża tal-ġrieħi gravi li sofra.
Jonathan Pace kien ukoll suspettat bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Ronald Galea ta’ 65 sena minn Birkirkara li seħħ nhar it-Tnejn, 18 ta’ Frar 2013 f’Ħal Far. Dakinhar Pace qal li kien imsiefer meta seħħ id-delitt. Peress li l-Pulizija kien irriżultalhom li Pace kellu ammont sostanzjali ta’ dejn miegħu, il-Pulizija marru biex ikellmuh it-Tnejn filgħaxija stess, iżda mart is-suspettat qalet lill-Pulizija li żewġha jinsab Sqallija. Iżda l-investigaturi ma kinux konvinti li l-persuna li riedu jkellmu fil-fatt kien imsiefer. Pace kellu diversi kontijiet pendenti fejn anke kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ martu dwar reklami mhux imħallsin. Jonathan Pace u martu kienu tressqu l-Qorti f’Jannar tas-sena l-oħra peress li tellgħu kont ta’ aktar minn €54,000 ma’ Ronald Galea.
Minkejja dan, il-Pulizija qatt ma kellhom dik il-prova konkreta biex iressqu lil Pace b’konnessjoni mal-omiċidju ta’ Galea.
Il-qtil ta’ Pace qed ikun meqjus bħal diversi każi li kellna f’dawn l-aħħar sentejn li saru bi tpattija, jew aħjar gang murders fejn uħud minnhom huma relatati.