Ġera għarwien u hedded lill-pulizija

mill-Qorti

Ingliż ta’ 30 sena li nqabad jiġri għarwien fit-triq u fis-sakra tpoġġa taħt probation għal perjodu ta’ sentejn wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li ġera għarwien f’Tas-Sliema u hedded lill-Pulizija li marru biex ikellmuh u jikkalmawh.

L-inċident seħħ nhar it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tal-11.15pm fi Triq Parisio, Tas-Sliema, meta Dominic Peter Hedges, mar fl-appartament tat-tfajla tiegħu u beda jaġixxi b’mod aggressiv.

Huwa mifhum li malli daħal fl-appartament, l-akkużat, li kien fis-sakra, beda jhedded li ħa jaqbeż mill-gallarija, u ftit wara neża l-ħwejjeġ u ħareġ jiġri barra għarwien fit-triq. 

Sorsi qalu lil din il-gazzetta li malli waslu l-pulizija, huma raw lil Hedges kompletament għarwien u setgħu jxommu riħa ta’ xorb fuqu. 

Wara li marru l-Pulizija, huwa ngħata qalziet ta’ taħt u ttieħed lejn l-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema. Hemmhekk l-Ingliż għajjar lill-pulizija minnhom stupidu u qalilhom li issa ma jafux x’hemm lest għalihom.

Huwa ammetta l-akkużi.

Id-difiża, permezz tal-Avukat Jason Grima, qal li Hedges għandu problema tax-xorb, u li meta jkollu problema fuq ix-xogħol huwa jaġixxi b’dan il-mod.   

Il-prosekuzzjoni tmexxiet minn Spettur Jason Francis Sultana. 

More in Qrati u Pulizija