Kollox f’idejn Pietru Pawl Zammit

Is-sigurtà għal-laqgħa taċ-CHOGM 2015 f’Malta

Kollox se jkun qed jiġi kkordinat mill-eks Kummissarju tal-Pulizija
Kollox se jkun qed jiġi kkordinat mill-eks Kummissarju tal-Pulizija

Meta fadal madwar sena biex f’Malta jibdew jaslu l-kapijiet tal-gvern tal-pajjiżi membri fil-Commonwealth għal-laqgħa f’Malta taċ-CHOGM, it-taħriġ fis-sigurtà diġà beda. Dan it-taħriġ qed ikun kordinat mill-eks-Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil din il-gazzetta li t-taħriġ huwa wieħed intensiv ħafna. Membri tas-sigurtà ta’ pajjiżi parteċipanti kienu sodisfatti meta l-laqgħa taċ-CHOGM kienet saret f’Malta fl-2005. Iżda, saħqu s-sorsi, f’għaxar snin l-affarijiet inbidlu u t-theddid fuq xi kapijiet ta’ stati komplew jiżdiedu u ma’ dan it-theddid trid tiżdied is-sigurtà. 

Kien għalhekk li l-awtoritajiet Maltin urew fiduċja fl-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit, li bl-esperjenza tiegħu kemm it-taħriġ kif ukoll il-kordinazzjoni tas-sigurtà ta’ qabel, ta’ waqt il-laqgħa tal-kapijiet u anke wara sakemm dawn iħallu Malta, ma jkun hemm ebda periklu għal ħadd.

“Din hija biċċa xogħol iebsa ħafna fejn Zammit mhux biss irid jikkordina s-sigurtà personali ta’ kull kap ta’ stat u d-delegazzjoni tiegħu jew tagħha, imma jrid jara wkoll li fl-istess ħin iċ-ċittadin Malti wkoll ikun protett,” saħaq wieħed mis-sorsi.

ILLUM jinsab informat li t-taħriġ li qed isir jikkonsisti f’diversi oqsma. Barra s-sigurtà personali, qed isir taħriġ intensiv ħafna fejn jidħol is-sewqan. “Jekk jinqala xi każ fejn ix-xufier ikun kostrett li jsuq b’veloċità eċċessiva biex jitlaq minn post fejn jista’ jkun hemm xi theddida, dan irid ikun imħarreġ sew kif isuq b’dik il-veloċità imma fl-istess ħin la jkun ta’ periklu għal min ikollu fil-karozza, la għas-sewwieqa l-oħrajn li jkun hemm fit-triq kif ukoll għal min ikun ukoll miexi fit-triq.”

Nifhmu għalhekk li se jibda, jekk mhux diġà beda, proċess ieħor delikat – dak li jkunu ngaġġati Pulizija addatati għal dan it-tip ta’ xogħol. Għaldaqstant dawk li jintgħażlu se jgħaddu minn screening rigoruż ħafna. Barra li qed isir taħriġ hawn Malta, diġà sar u se jkompli jsir taħriġ mal-Pulizija Ingliża kemm f’Malta kif ukoll fl-Ingilterra.

Fil-jiem li għaddew ġie Malta s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Kamalesh Sharma, li ltaqa’ mal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, kif ukoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Nifhmu li kellu wkoll laqgħa mal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit fil-Furjana u t-Task Force li nħatret apposta li qed titmexxa minn Phyllis Muscat.

L-istess sorsi temmew jgħidulna li Kamalesh Sharma wera s-sodisfazzjon tiegħu dwar kif qed isiru t-tħejjijiet għal-laqgħa taċ-CHOGM ta’ Novembru 2015 f’Malta b’mod speċjali fejn tidħol is-sigurtà.

 

More in Qrati u Pulizija