Gidma fuq pulizija tiswiha €5,000

Tfajla ta’ 21 sena li kienet fi stat ta’ sakra tigdem pulizija u tweġġa ħafif lil kuntistabbli tal-pulizija

Barbora Krzkova, tfajla ta’ 21 sena mir-Repubblika Ċeka li qiegħda fuq btala f’Malta, ġiet immultata €5,000 u ngħatat sentenza sospiża ta’ ħabs wara li ammettiet li gidmet pulizija meta kienet fi stat ta’ sakra.

L-Ispettur Godwin Scerri qal li l-pulizija rċeviet rapport li kien hemm tfajla mitluqa fil-komun ta’ blokka ta’ appartamenti f’San Pawl il-Baħar. Sussegwentament, pulizija li marru fuq il-post għall-ħabta tat-3:00am sabu lil-akkużata mitluqa u f’sakra ma tarax art. Hija ttieħdet l-għassa ta’ San Pawl il-Baħar u għal xi raġuni gidmet pulizija u qattet l-uniformi ta’ pulizija mara.

Hija minnufih ġiet arrestata u inqas minn 12-il siegħa wara ġiet mressqa l-Qorti u mixlija li għamlet reżistenza bi vjolenza kontra pulizija, li kkaġunat ġrieħi ħfief fuq pulizija, u li kienet fi stat ta’ sakra f’ post pubbliku.

Bid-dmugħ f’għajnejha, Barbora Krzkova qalet lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li tant li kienet fis-sakra, li lanqas tiftakar x’għamlet, aħseb u ara li gidmet pulizija. Qalet ukoll li mhix aggressiva u li ma xtaqet tweġġa lil ħadd.

Minkejja dan, il-Qorti kkundannat lill-imputata għal seba’ xhur ħabs li ġew sospiżi għal 18-il xahar, filwaqt li mmultata s-somma ta' €5,000 wara li ħadet in konsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija tagħha. 

More in Qrati u Pulizija