Tfajla, li kienet għadha kemm ġiet struprata, qabżet fil-baħar biex taħrab mill-aggressur tagħha. Dan intqal fil-Qorti kmieni illum, fil-każ kontra raġel ta' 20 sena. Is-Sirjan, li kien qed ifittex refuġju f'Malta, ġie arrestat u akkużat bl-istupru ta' tfajla mill-Belt Valletta li magħha kien qed joħroġ fl-aħħar jiem.
Il-Maġistrat semgħet kif ilbieraħ filgħodu, għal xi 3:00.a.m, il-pulizija rċeviet rapport ta' stupru ġewwa l-Belt Valletta. L-allegatament vittma kienet l-istess persuna li għamlet it-telefonata, tibki li kienet ġiet abbużata fiżikament u sesswalment. Bl-għajnuna ta' interpretu, ir-raġel residenti il-Fgura, qal li jaħdem f'sit ta' kostruzzjoni.
Skont il-prosekuzzjoni, il-vittma qabżet il-baħar tul Triq il-Mediterran biex taħrab lill-aggressur. Meta l-pulizija waslu fuq il-post, sabuha fl-ilma u l-akkużat, li kien għadu fl-inħawi, ġie arrestat.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest ma tressqet mill-avukat difensur. Madankollu l-avukat talab li l-prosekuzzjoni tressaq lill-vittma biex tixhed mal-ewwel opportunità. L-avukat talab ukoll li l-akkużat jintbagħat fis-sezzjoni tal-minorenni, peress li għandu biss 20 sena. Il-Qorti laqgħet biss l-aħħar talba.
Il-Maġistrat ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u ordnat lill-imputat biex ma jersaqx u ma jikkomunikax magħha bl-ebda mod, anke waqt li jkun taħt arrest preventiv. L-ordni għandha tibqa' fis-seħħ sas-sentenza finali.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispetturi John Spiteri u Kevin Pulis, filwaqt li Sean Azzopardi deher għall-Avukat Ġenerali.