Il-kundanna ta' George Galea, l-akkużat fil-qtil doppju ta' Mario Camilleri u ibnu Mario Jr, jiġifieri dik li kiser il-kunidzzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, ġiet annullata.
Galea, li għadu sa llum jistenna li jinstema' l-ġuri fil-konfront tal-qtil tal-missier u l-iben, magħrufa bħala tal-Imnieħru, ingħata sena priġunerija fi Frar tal-2022. Dakinhar huwa nstab ħati li fl-10 ta' Novembru, 2022, saq mingħajr pjanċi tal-karozza bejn id-9 p.m. u l-10 p.m. Apparti minn hekk huwa nstab ħati ta' reċediviżmu u li kien qiegħed isuq karozza mhux irreġistrata.
Il-Pulizija kienet irrispondiet għal rapporti ta' serqa f'ħanut tal-ġojellerija f'Ħ'Attard u Galea instab fil-viċinanzi. Fil-karozza kienet instabet sikkina iżda aktar tard il-Pulizija kienet ikkonfermat li Galea ma kellux x'jaqsam mas-serqa. Madankollu, kien hemm li ndunaw li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest għaliex kien qiegħed barra fil-ħin li suppost kien qiegħed id-dar.
Intant illum l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li dakinhar li l-Galea ngħata sentenza priġunerija, il-Qorti interpretat il-liġi ħażin. Sostniet li l-Pulizija ma kinitx konsistenti fix-xhieda tagħha dwar il-ħin preċiż li ntlemah l-akkużat u li l-prosekuzzjoni naqqset milli identifikat is-sid tal-karozza. Apparti minn hekk, il-Qorti tal-Appell osservat li l-vettura, minkejja li ttieħdet fil-pussess tal-Pulizija ma ġietx eżebita bħala evidenza.
L-Imħallef għamlet referenza wkoll għal rapport preċendenti li fih intqal li Galea kien impjegat u li x-xogħol tiegħu kien jirrikjedi li jaħdem matul il-lejl u kien fi triqtu lura d-dar meta ġie mwaqqaf mill-Pulizija.