L-iżvilupp f’Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela kien l-ewwel wieħed li sejjaħ biex il-permess li nħareġ mill-MEPA jiġi revokat

Dawn is-siti jistgħu jitilfu r-rikonoxximent mill-UNESCO bħala wirt dinji
Dawn is-siti jistgħu jitilfu r-rikonoxximent mill-UNESCO bħala wirt dinji

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat mozzjoni fil-Parlament bil-għan li, bi ftehim mal-Gvern, art li tinsab fil-buffer zone tat-tempji Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr, tiġi esproprjata, jiġifieri li l-Gvern jieħu f’idejh din l-art wara li s-sidien privati tagħha jingħataw kumpens. Din it-talba għall-espropjazzjoni tal-art qed issir wara li f’Settembru li għadda, il-MEPA ħarġet il-permess biex isir żvilupp fuq l-art imsemmija u wara li l-Bord tal-Appell ma laqax it-talba tal-appell fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

F’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-partit Nazzjonalista, il-Viċi-Kap Mario de Marco fakkar li applikazzjoni simili li ġiet approvata fix-xhur li għaddew, kienet ġiet irrifjutata fl-2009, bl-argument kien li din l-art tinsab fil-buffer zone tat-tempji fl-Imġarr. Żied jgħid li fl-2009 ukoll, art li tinsab fl-istess żona, ftit metri biss ’il bogħod mill-art li tinsab f’nofs il-kontroversja bħalissa, kienet ġiet esproprjata u s-sid ingħata l-kumpens xieraq. Mario de Marco insista li anke f’dan il-każ, l-Oppożizzjoni qed tipproponi li jiġri l-istess.

Minn naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela sejjaħ il-permess li nħareġ mill-MEPA bħala delitt fuq il-patrimonju u l-wirt storiku. Abela esprima l-biża’ li minħabba dan l-iżvilupp, dawn it-tempji jistgħu jitilfu r-rikonoxximent mill-UNESCO bħala sit ta’ patrimonju dinji. Qal ukoll li f’dan il-każ inħoloq preċedent li kull fejn sidien għandhom proprjetà qrib siti oħra ta’ din ix-xorta jistgħu jingħataw l-istess permess.

Intant fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta MaltaToday, qed tingħata ħarsa dettaljata dwar il-possibilità li l-Prim Ministru Joseph Muscat jista’ jintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni f’dan il-każ partikolari.

More in Socjali