Stqarrija maħruġa mill-MUMN u ffirmata mill-president Paul Pace tgħid li l-azzjonijiet industrijali li ordnat l-UĦM fl-isptar Mater Dei qed ipoġġu l-ħajja tal-pazjenti fil-periklu.
Il-UĦM ħarġet direttivi lil-Laboratory Technicians ta' Mater Dei biex ma jipproċessawx kampjuni tad-demm u għalhekk mhux qed jinħarġu riżultati ta' testijiet ta' demm essenzjali u urġenti.
L-MUMN qed tgħid li b'din id-direttiva, l-infermiera u l-qwiebel qed ikollhom jieħdu l-kampjuni tad-demm huma stess fil-laboratorju u “jitolbu bil-ħniena” lil-laboratory technicians biex jipproċessawhom għax ir-riżultati jistgħu jfissru ħajja jew mewt għall-pazjenti.
L-unjin saħqet li b'dak li qed tagħmel, l-UĦM qed turi li ma jixirqilhiex rispett fir-relazzjonijiet industrijali li tiftaħar li hi pijuniera fihom.
L-MUMN tat struzzjonijiet lill-infermiera u l-qwiebel biex jibqgħu jibagħtu l-kampjuni tad-demm fil-laboratorju, bit-tama li fl-aħħar it-technicians jaċċettaw li jipproċessawhom u joħorġu r-riżultat tant mistenni mill-pazjenti.