Fl-Armenja llum isiru l-kommemorazzjonijiet f'għeluq il-ċentenarju minn meta beda l-qtil tal-Armeni mit-Torok tal-Imperu Ottoman. Għalkemm ir-rapporti ma jaqblux bejniethom, jingħad li nqatlu madwar 1.5 miljun Armen f'dan il-qtil.
Iċ-ċerimonja ta' tifkira qed issir barra mill-kapitali tal-Armenja, Yerevan permezz ta' tqegħid ta' fjuri mill-mistiedna u membri tal-pubbliku. Fost il-mistiedna hemm il-president tar-Russja u dak ta' Franza.
Iċ-ċerimonja qed tfakkar il-qtil ta' mijiet ta' eluf ta' vittmi, fil-maġġoranza tagħhom kienu nies komuni li ttieħdu f'inħawi tad-deżert, fejn tħallew imutu bil-ġuħ u bil-għatx. Eluf oħra mietu wkoll f'massakri.
M'hemmx qbil dwar jekk dawn l-avvenimenti għandhomx jitqiesu bħala ġenoċidju jew le - fejn hemm aktar minn 20 stat inkluż Franza, il-Ġermanja, il-Kanada, u r-Russja, kif ukoll istituzzjonijiet internazzjonali bħal Parlament Ewropew li jagħrfu dawn l-episodji bħala ġenoċidju.
Min-naħa l-oħra t-Turkija tiċħad it-terminu "ġenoċidju" fejn issostni li ħafna minn dawk li mietu kienu mietu minħabba ġlied tal-Ewwel Gwerra Dinjija, u li ħafna Turki etniċi kienu soffrew ukoll f'dan il-kunflitt.
Intant, ser issir ukoll ċerimonja ta' tifkira fit-Turkija llum, fejn il-Prim Ministru Ahmet Davutoglu qal li t-Turkija se "tħoss l-uġigħ" man-nies tal-Armenja