
Investiment u servizzi ġodda fil-Vascular Lab ta’ Mater Dei
'Tkomplija tal-investiment fil-ħaddiema għall-ispeċjalizzazzjoni f'oqsma tal-mediċina' - Chris Fearne

More in Socjali
'Tkomplija tal-investiment fil-ħaddiema għall-ispeċjalizzazzjoni f'oqsma tal-mediċina' - Chris Fearne
Fl-Isptar Mater Dei għadu kemm sar investiment ta’ €100,000 għall-apparat ta’ vascular ultrasound ġdid. Din il-magna tal-ultrasound se tkun qed tintuża biex l-ispeċjalisti f’dan il-qasam ikunu jistgħu jaraw liema arterji huma bblokjati jew dojoq u liema vini jistgħu jintużaw għall-bypass, fost proċeduri oħra.
Waqt iż-żjara li għamel fil-Vascular Laboratory Service, fejn iltaqa’ mat-tim ta’ professjonisti li jħadmu dan l-apparat, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li, apparti investiment fl-apparat, sar ukoll investiment uman. Fil-fatt, grupp ta’ ħamesradiographers segwew kors f’livell Masters ta’ tliet snin, fil-Vascular Ultrasonography. “Illum dawn l-istudenti se jkunu qegħdin jiggradwaw mill-Università ta’ Malta,” qal Fearne.
Il-programm Masters fil-Vascular Ultrasonography sar fl-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u l-Università. Bħala parti mill-programm, l-istudenti Maltin attendew sensiela ta’ taħriġ anki f’Edinburgh.
“Dan huwa wieħed mill-eżempji li permezz tiegħu d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed ikompli jinvesti fil-ħaddiema tiegħu, biex jispeċjalizzaw f’areas partikolari tal-mediċina, bil-għan li l-pazjent Malti jingħata l-aqwa servizz. Barra minn hekk, ġew impjegati wkoll żewġ vascular surgeons ġodda, biex b’hekk ilum f’Mater Dei hemm total ta’ tliet vascular surgeons,” qal Fearne.
Il-Professur Kevin Cassar, vascular surgeon fl-isptar Mater Dei, qal li l-vascular ultrasound se tkun qed tintuża ma’ pazjenti li għandhom problemi fil-vini, pazjenti li kellhom puplesija biex wieħed ikun jista’ jara b’aktar preċiżjoni jekk hemmx sadd ta’ arterji, f’nies li għandhom problema bil-vini varikożi, u pazjenti li għandhom problema fl-arterji kkawżati mid-dijabete. F’dan il-każ din il-magna tal-ultrasound se tkun tista’ tara fejn hemm problema ta’ vini u f’ċerti każijiet twassal biex isir intervent kirurgu mingħajr il-bżonn li jkollu jitlef xi parti minn ġismu minħabba d-dijabete.
Huwa stmat li se jsiru madwar 5,000 scan kull sena bil-magna tal-vascular ultrasound ġdida f’Mater Dei.