Attivisti jarmaw kampijiet quddiem Kastilja fi protesta

Kamp Emerġenza Ambjent armaw kampijiet fi Pjazza Kastilja fi protesta kontra s-sitwazzjoni ambjentali

Grupp ta' attivisti taħt l-isem ta' 'Kamp Emerġenza Ambjent' dalgħodu armaw kampijiet fi Pjazza Kastilja fi protesta kontra 'l-qerda ambjentali'.

Il-25 tinda li kien hemm quddiem il-berġa ta' Kastilja kienu kull waħda msemmija għal proġetti passati jew preżenti li għamlu ħsara fuq l-ambjent jew huma ta' theddida, bħall-bini ta' Portomaso, u s-swimming pool propost biswit il-fdalijiet arkeoloġiċi f'Ta' Ħaġrat.

Dawn l-attivisti, filwaqt li appellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ma tkomplix tipproċessa ħafna mill-applikazzjonijiet li għandha għal proġetti fuq art ODZ, qed jinkoraġġixxu iktar persuni sabiex jieħdu tinda jew sleeping bag u jingħaqdu magħhom.

André Callus, li tkellem waqt din il-protesta qal kif Malta huwa, "l-iktar post li hawn bini fih fl-UE, u minkejja dan, nibqgħu nisimgħu bi proġetti oħra kbar ġodda ta' bini, u f'dan il-punt, din saret ħaġa allarmanti u qed thedded il-futur tagħna, u l-kwalità tal-ħajja tagħna f'Malta."

Callus kompla jgħid li, "aħna nemmnu li f'dan il-punt, is-sitwazzjoni ambjentali f'Malta hija emerġenza, u jekk se nkomplu nkissru l-ambjent bir-rata li qed nagħmlu bħalissa, il-futur tagħna f'dan il-pajjiż se jkun mhedded." 

Uħud mill-affarijiet li tellgħu dawn l-attivisti quddiem Kastilja, fi protesta ambjentali
Uħud mill-affarijiet li tellgħu dawn l-attivisti quddiem Kastilja, fi protesta ambjentali

More in Socjali