
Qrib il-miljun ewro għaż-żamma tal-bajjiet fis-sajf
9 bajjiet Maltin, tingħatalhom il-Blue Flag
minn Staff Reporter

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Golden Bay il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ippresjeda ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Blue Flag lil 9 bajjiet immaniġġjati f’Malta. Il-Blue Flag hija ċertifikat ta’ kwalità li jingħata mill-International Foundation for Environmental Education (FEE), li f’Malta hija rrappreżentata min-Nature Trust.
Skont il-Ministru Zammit Lewis il-Blue Flag tirrappreżenta mhux biss ċertifikat ta’ kwalità iżda tindika wkoll turiżmu sostenibbli. Spjega li dan il-kunċett ta’ sostenibbiltà huwa pilastru ewlieni fil-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu 2015-2020 li tnediet is-sena li għaddiet. Dan il-prinċipju huwa msawwar fuq il-ħsieb li dak li ngawdu llum, insalvawh u nippreservawh għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Zammit Lewis qal li għalkemm pajjiżna huwa żgħir u n-numru ta’ bnadar f’Malta ma jistax ikun għoli, irridu nibqgħu ninvestu f’dan il-qasam u nżidu n-numru ta’ żoni għal għawm li jkunu jistgħu jtajru l-Blue Flag. B’sodisfazzjon żied li llum il-ġurnata għandna għaxar bajjiet li jtajru din il-bandiera, żewġ bajjiet ta’ kwalità u sitt bajjiet immaniġġjati. Meta wieħed jikkumpara n-numru ta’ Blue Flags mad-daqs ta’ pajjiżna jsib li Malta tinsab fir-raba’ post fost il-pajjiżi li japplikaw għal din l-Eco Label prestiġjuża.
“Sena wara l-oħra din iċ-ċerimonja kienet issir fil-Bajja ta’ San Ġorġ, bajja li saret bħala proġett mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u li kienet l-ewwel bajja li ħadet il-Blue Flag. Għalhekk baqgħet dejjem is-simbolu tal-immaniġġjar tal-bajjiet u tal-Blue Flag f’dan il-pajjiż. Iżda llum qegħdin ir-Ramla tal-Mixquqa aktar magħrufa bħala Golden Sands jew Golden Bay, ċertament waħda mill-isbaħ bajjiet li għandna f’pajjiżna. Din il-bajja ħadet għall-ewwel darba ċ-ċertifikat ta’ kwalità tal-Blue Flag. Għalkemm din il-bajja kienet ilha s-snin tieħu ċ-ċertifikat ta’ bajja ta’ kwalità, din is-sena rnexxielna napplikaw u nakkwistaw ċertifikat ieħor. Hawn nixtieq nirringrazzja wkoll l-awtoritajiet ambjentali, żvilupp u d-diviżjoni tal-artijiet tal-Gvern li permezz ta’ ħidma koordinata bejn kulħadd din is-sena se ntajru l-Blue Flag għall-ewwel darba,” qal il-Ministru.
Zammit Lewis ħa l-opportunità wkoll sabiex jirringrazzja lil għadd ta’ entitajiet li sena wara l-oħra, bil-kontribuzzjoni tagħhom, jinkisbu dawn is-suċċessi. Qal li l-immaniġġjar tal-kosta u tal-bajjiet mhix faċli jew sempliċi għax tinvolvi numru ta’ aġenziji u koordinazzjoni bejniethom, bħall-Cleansing Services Directorate u l-Green MT, ir-Red Cross u s-servizzi ambjentali li jieħdu ħsieb il-kwalità tal-ilma. Il-Ministru għat-Turiżmu fakkar li f’dawn l-aħħar snin Malta dejjem ġiet fl-ewwel tliet postijiet għall-kwalità tal-ibħra fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’rapporti maħruġa mill-European Environmental Agency.
Il-Ministru għat-Turiżmu rrimarka li l-involviment tal-kunsill lokali huwa importanti ferm, bħal fil-każ tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u inkoraġġixxa aktar involviment mill-kunsilli lokali l-oħra kollha.
“Dan ix-xogħol ma jiġix b’xejn, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu din is-sena se tkun qed tonfoq viċin il-miljun ewro sabiex jingħataw dawn is-servizzi u sabiex stajna nestendu s-servizzi kollha fuq il-bajjiet mill-ewwel ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ Settembru hekk kif ġie mwiegħed,” żied jgħid Zammit Lewis.
Fl-aħħar nett il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-bajjiet f’pajjiżna għandhom irwol importanti ħafna fis-settur turistiku u kull riżultat pożittiv li niksbu f’dan is-settur, apparti li jagħti spinta lill-ekonomija ta’ pajjiżna, jgħabbina b’aktar responsabbiltà mhux biss biex inżommu dak li għandna, iżda wkoll biex naħdmu u nibqgħu kompetittivi ħalli nkunu f’pożizzjoni li negħlbu l-isfidi li mhux dejjem ikunu prevedibbli.

