filmat | Jitlesta x-xogħol fuq it-Torri tal-ilma ta’ Wignacourt

Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li tlesta xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tal-Ilma ta’ Wignacourt fil-Furjana - xogħol li sar minn ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, b’investiment ta’ madwar €20,000.

Il-Ministru Joe Mizzi spjega li fl-1994 it-torri tal-ilma li nbena fi żmien il-Kavallieri bħala parti mis-sistema tal-akwadott, sabiex iwassal l-ilma mir-Rabat sal-Belt, kien tpoġġa fir-reġistru tal-proprjetà skedata u huwa meqjus bħala Grad 1 fil-lista ta’ monumenti, għalhekk għandu valur storiku u nazzjonali.

Huwa spjega li madwar sena ilu l-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni beda xogħol ta’ restawr fuq it-torri wara li kien iddeterjora minħabba l-elementi tan-natura. Il-ħaddiema bdew billi naddfu t-taraġ garigor ta’ ġewwa u sar intervent biex jissaħħaħ it-taraġ b’vireg tal-azzar. Ġew ukoll irrestawrati l-ħitan tat-torri minn ġewwa kif ukoll minn barra, fejn tneħħew depożiti li kienu ilhom snin twal jagħtu dehra maħmuġa lill-ġebla. 

It-torri tal-ilma ta' Wignacourt wara r-restawr
It-torri tal-ilma ta' Wignacourt wara r-restawr

Intervent ieħor importanti kien il-bidla tal-iljun tal-franka li jinsab mal-funtana. Għalkemm dan kien diġà ġie mibdul waqt intervent li sar aktar minn għoxrin sena ilu, ukoll kien iddeterjora ħafna, tant li bilkemm kien għadu jingħaraf. Sforz ta’ dan il-proġett, żied jgħid il-Ministru, it-torri issa jista’ jiġi apprezzat mill-pubbliku li jżur din iż-żona tal-Furjana.

Huwa fakkar li dan l-istess uffiċċju jwettaq ukoll xogħlijiet/proġetti ta’ riabilitazzjoni fuq diversi binjiet storiċi, kemm fil-Kottonera u l-Kalkara, l-Imdina, il-Belt Valletta u l-Furjana. Ftit mill-proġetti li kien involut fihom is-sena li għaddiet kienu jinvolvu r-riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta, xogħol fuq għadd ta’ knejjes fil-Belt Valletta fosthom restawr fuq il-ħames kupletti tal-Knisja ta’ Santu Wistin, ir-restawr tal-faċċati esterni tal-Knisja Griega u r-restawr ta’ plakek u monumenti fil-Barrakka ta’ Fuq.

Il-Perit Wendy Mifsud spjegat l-istorja ta’ dan it-torri u x’kienu jinvolvu x-xogħlijiet. Preżenti wkoll għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Kap tal-Uffiċċju, il-Perit Mireille Fsadni, kif ukoll membri tal-Kunsill Lokali tal-Furjana u s-Sindku Davina Sammut, li rringrazzjat lill-Gvern għax-xogħlijiet li qed iwettaq fil-lokalità.

More in Socjali