
'Id-debba hi għal qalbi ħafna u bl-ebda mod ma ridt inweġġagħha'
Wara li f'April li għadda nġibed filmat tad-debba tingħata daqqiet bil-frosta, is-sid mhux ħati ta' moħqrija tal-annimali

More in Socjali
Wara li f'April li għadda nġibed filmat tad-debba tingħata daqqiet bil-frosta, is-sid mhux ħati ta' moħqrija tal-annimali
Alban Josef Saliba minn Birkirara ġie meħlus mill-akkużi kontrih u nstab mill-Qorti bħala mhux ħati li ħaqar id-debba tiegħu f'April li għadda wara li filmat li deher fuq il-media soċjali wera lil Saliba jagħti daqqiet ta' frosta lid-debba tiegħu mixħuta mal-art.
Saliba, ta' 36 sena ġie meħlus li tratta ħażin lill-annimal wara li ġie ppreżentat ammont kbir ta' evidenza li turi bil-kontra. Huwa kien ġie arrestat u akkużat b'moħqrija fuq l-annimali fil-5 ta' April li għadda wara li l-filmat daar fuq il-media soċjali u kkawża kommossjoni partikolarment fost dawk l-attivisti favur l-annimali,
Fil-kawża, ta x-xhieda tiegħu il-koordinatur tal-Animal Welfare, Dennis Sciberras li wara li eżamina d-debba, ma sab l-ebda evidenza li din kienet ġiet mogħtija xebgħa frosta. Dwar dak li deher fil-filmat, Sciberras qal li dak "mhu xejn gravi" u assigura li għal debba ta' 22 sena, kienet f'kundizzjoni tajba. Qal ukoll li sabiex persuna ttella' żiemel fuq saqajha waħedha, hija biċċa xogħol diffiċli ħafna, u sikwit tintuża l-frosta sabiex tagħmel il-ħoss. Spjega wkoll li żwiemel tat-tiġrija kienu jistgħu jingħataw sa tliet daqqiet ta' frosta fuqhom waqt tiġrija.
Il-veterinarju Vanessa Messina qalet ukoll li d-debba kienet muġugħa minħabba li kienet waqgħet li probabbilment saret għaliex kienet żelqet. Messina wkoll qalet li d-debba ma kellha l-ebda sinjali li ġiet moħqrija.
L-akkużat qal li d-debba kienet waqgħet minħabba tumbata li kien hemm fit-triq. Qal ukoll li kien uża l-frosta sabiex jerġa' jtella' lid-debba fuq saqajha għaliex beża' li kienet se tweġġa' iktar jekk tibqa' mal-art. Sostna li d-debba kienet għal qalbu ħafna u bl-ebda mod ma ried iweġġagħha.
Il-Maġistrat, min-naħa tiegħu, mill-evidenza li ra qal li jidher li s-sid kien fil-fatt iħobb lill-annimal, u ddeċieda li jistennieha tmut mewta naturali minflok iraqqadha bħala sinjal ta' gratitudni għas-servizz li kient tat lill-familja tagħhom, u dan juri li mhux każ ta' moħqrija fuq l-annimali.
Saliba ġie meħlus mill-akkużi miġjuba kontrih, waqt li l-Maġistrat saħaq li ċ-ċirkostanzi mhux dejjem jistgħu jkunu kif ikunu deheru primarjament, waqt li saħaq li ftit informazzjoni hi xi ħaġa perikoluża.