Iljieli Melleħin: Dak kollu li toffri l-Mellieħa u iktar....

Festa ta' kulur, kunċerti, art, mużika, sports u ikel fil-Mellieħa fl-aħħat tax-xahar

Iljieli Melleħin fl-aħħar ta' dan ix-xahar se toffri festa ta' kuluri
Iljieli Melleħin fl-aħħar ta' dan ix-xahar se toffri festa ta' kuluri

Id-disa’ edizzjoni tal-Iljieli Melleħin, organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, se tkun qegħda sseħħ f l-aħħar ta’ Lulju 2016, eżattament mill-Ġimgħa 29 ta’ Lulju 2016 sal-Ħadd 31 ta’ Lulju 2016. Din l-attività, li issa daħlet sew fil-kalendaru kulturali Malti, tattratta eluf ta’ persuni lejn il-Mellieħa. Matul dawn l-iljieli dawk kollha li jattendu għandhom l-opportunità li jgawdu l-aqwa elementi li taf toffri l-komunità Melleħija. Din l-attività qegħda tittella’ bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentati għall-Gvern Lokali.

Il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju se jittella’ kunċert spettakolari fil-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa mill-Band The Beaters, li hija Tribute Band tal-grupp Leġġendarju l-Beatles. Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn u dawk kollha preżenti se jkollhom l-opportunità li jgawdu mill-aqwa kanzunetti ta’ dan il-grupp leġġendarju.

Is-Sibt 30 u l-Ħadd 31 ta’ Lulju 2016 it-toroq prinċipali u l-pjazez tal-Mellieħa se jkunu magħluqa għat-traffiku. Matul dawn iż-żewġt iljieli se tispikka varjetà ta’ arti, mużika, kultura, sports u ikel. Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-aqwa kantanti lokali u kif ukoll diversi animazzjonijiet għat-tfal, u diversi forom ta’ arti mqassma mat-toroq ewlenin tal-Mellieħa. Attrazzjonijiet oħra jinkludu artisti u mużiċisti lokali u kif ukoll animazzjoni għat-tfal.

Għall-ewwel darba fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm sitt palkijiet differenti b’temi mużikali differenti. Dawn se jkunu jvarjaw minn mużika folkloristika, għal palk li se jilqa’ tfal u żgħażagħ żgħar, palk ieħor li se jkun iffukat fuq mużika klassika rock, fil-Bitħa tas-Santwarju se tispikka l-mużika Jazz fil-waqt illi fis-Santwarju se jittellgħu diversi kunċerti żgħar b’temi Marjani u fil-Pjazza tal-Parroċċa se jkun hemm il-Palk prinċipali li se jilqa’ fuqu l-aqwa talent lokali u internazzjonali. Il-varjetà mużikali tinkludi lil Paul Abela Big Band li se jtella’ Serata Italjana, u l-aqwa bands lokali li jinkludu The Fourth Fret, Brooke and Band, u The Crowns.

Għal sena oħra se jkun hemm numru rekord ta’ artisti li se jkunu qegħdin ipinġu u jesebixxu x-xogħol tagħhom fil-Bitħa tas-Santwarju. Hawnhekk wieħed se jkun jista’ jammira x-xogħol ferm interessanti ta’ diversi artisti Melleħin.

Għal dawk kollha li jħobbu l-karozzi, fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm wirjiet ta’ karozzi statiċi, drifting u off-roading. Il-wirja statika se jkollha karozzi Maltin u kif ukoll karozzi barranin. Se jkun hemm ukoll sezzjoni għal trakkijiet antiki u kif ukoll karozzi tal-linja Maltin antiki. Mill-banda l-oħra, se jinħolqu żewġ xenarji kontrollati fejn se jittellgħu wirjiet tal-off-roading u tad-drifting. Sewwieqa professjonali se jkunu qegħdin jieħdu sehem bil-vetturi tagħhom sabiex ipaxxu lil dawk kollha preżenti.

Mhux hekk biss, is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, li għandu iktar minn elfejn sena, se jkun miftuħ għall-pubbliku, fejn anke se jkunu għaddejjin kunċerti korali f’dan l-ambjent. Għal dawk li jinteressahom żmien il-Gwerra, se jkunu jistgħu iżuru x-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija, fejn anke se jkun hemm gwidi apposta għall-pubbliku. Se tittella’ wkoll esebizzjoni ta’ vetturi u armamenti ta’ żmien il-Gwerra.

Għal kull minn japprezza l-ikel se jkollhom xalata u varjetà ta’ ikel, fejn it-toroq prinċipali tal-Mellieħa se jkunu armati bl-imwejjed u siġġijiet attrezzati apposta al fresco sabiex wieħed japprezza l-ikel bnin ipprovdut mill-aqwa restoranti li jinsabu fil-Mellieħa.

Dawk kollha li se jattendu għal din l-attività jistgħu igawdu mis-servizz ta’ Park & Ride b’xejn offrut mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Dan is-servizz se jkun qiegħed jiġi offrut miż-żona fejn kien hemm il-Belleview, u se jibda minn qabel l-attività u jibqa’ sejjer sa wara t-tmiem tal-istess attività.

Kulħadd huwa mħeġġeġ jattendi bi ħġaru matul dawn it-tlett iljieli għal din l-attività annwali fil-Mellieħa fejn kulħadd se jsib xi ħaġa nteressanti għall-gosti tiegħu. Dawn huma tlett iljieli trasformati f’ċelebrazzjoni kbira għall-familja kollha, fejn il-Mellieħa se turi dak kollu li għandha x’toffri, u iktar...

Għal iżjed informazzjoni u programm t’attivitajiet, kulħadd huwa mħeġġeġ iżur is-sit elettroniku tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa www.mellieha.gov.mt jew il-paġna soċjali ta’ facebook tal-istess Kunsill Lokali https://www.facebook.com/melliehalocalcouncil

More in Socjali