Tliet irġiel mixlija b'abbuż sesswali

Tliet irġiel jittellgħu il-Qorti mixlija li offrew flus lil ġuvintur minorenni biex dawn jagħmlu atti sesswali magħhom

Tliet irġiel mixlija l-Qorti fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni
Tliet irġiel mixlija l-Qorti fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni

Aktar kmieni dalgħodu, tliet irġiel dehru l-Qorti fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq ġuvintur minorenni. 

George Bezzina ta' 57 mill-Isla, Alexander Caruana, ta' 57, mill-Belt Valletta u Raymond Charles Buttigieg, ta' 47, minn Birkirkara, tressqu taħt arrest quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, b'akkużi li huma jagħmlu parti minn ċirku ta' pedofelija,fejn l-akkużati kienu allegatament iħallsu ġuvintur minorenni biex jagħmlu atti sesswali magħhom.

Huwa mifhum li t-tlett akkużati offrew flus lil tlett ġuvintur  ta' etajiet bejn -il 15 u 17-il sena, sabiex dawn jagħmlu atti sesswali magħhom.

L-investigazzjonijiet bdew hekk kif il-Pulizija lokali ġiet informata minn awtoritajiet barranin li wieħed mill-irġiel kien qiegħed jaqsam materjal pornografiku relatat ma' abbuż fuq minorenni ma xi pedofili oħrajn.

L-Ispettur Joseph Busuttil, mill-iskwadra kontra l-vizzji, akkuża lill-irġiel b'offiżi marbutin mal-instigazzjoni ta' minuri għall-prostituzzjoni, użu ta' vjolenza biex tiġi mġiegħla l-parteċipazzjoni f'atti pornografiċi, parteċipazzjoni f'attivitajiet sesswali ma persuni taħt l-età, attivitajiet sesswali illegali, numru ta' offiżi relatati mal-pornografija u pussess ta' stampi indeċenti ta' persuni taħt l-età.

Bezzina, digà kien akkużat għall-istess tip ta' krimini u mibgħut il-ħabs fl-2010. Huwa wkoll mifhum li tal-inqas tnejn mill-ġuvintur abbużati se jixhdu kontra l-akkużati.

Il-Qorti rrifjutat il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest lit-tliet irġiel, kif ukoll it-talba li l-ismijiet tagħhom ma jiġux ippublikati. Il-Qorti ordnat ukoll li l-ismijiet tal-vittmi ma jkunux imxandra.

L-avukat Carm Mifsud Bonnici deher għad-difiża ta' Bezzina, l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Buttigieg filwaqt li l-avukat Robert Galea deher għal Caruana.

More in Socjali