Żieda ta’ 36 vettura kuljum fi 3 xhur

Minn stħarriġ tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, jidher li l-vetturi reġistrati żdiedu b'1% fi tliett xhur

Sa l-aħħar ta' Ġunju 2016 in-numru ta' karozzi reġistrati laħaq it-352,671
Sa l-aħħar ta' Ġunju 2016 in-numru ta' karozzi reġistrati laħaq it-352,671

Sa l-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, in-numru ta’ vetturi reġistrati f’Malta laħaq l-ammont ta’ 352,671, żieda ta’ kważi 1% f'perjodu ta' tliett xhur.

Minn dawn, 79.1% kienu karozzi tal-passiġġieri u 13.6% kienu kummerċjali, filwaqt li 6.2% kienu muturi. Karozzi tal-linja u minibuses ammontaw biss għal 1% tat-total.

F’dan it-tieni kwart tas-sena, l-ammont ta’ vetturi liċenzjati żied b’medja ta’ 36 vettura fil-ġurnata.

F’dan l-istess perjodu, il-liċenzji ġodda li ħarġu ammontaw għal 5,857. Minn dawn, 4,186 (71.5%) inħarrġu għal karozzi tal-passiġġieri u 1,055 għas-sewqan ta’ muturi.

In-numru ta’ karozzi ġodda reġistrati tela’ għal 2,890 (49.3%), filwaqt li n-numru ta’ karozzi wżati reġistrati għall-ewwel darba kien ftit aktar, b’total ta’ 2,967.

Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, in-numru ta’ karozzi ġodda reġistrati żied b’ 57 % meta mqabbel mal-istess żmien is-sena li għaddiet.

Minn dawn il-352,671 vetturi msemmija, 214,292 minnhom, li jiġu 60.8% mit-total, kienu mgħammra b’magna petrol, filwaqt li dawk bil-magna diesel ammontaw għal 136,627, jew 38.7% tat-total.

More in Socjali