“Iċ-ċittadini tan-naħa t’isfel ta’ Malta huma sodisfatti bil-pożizzjoni tal-Prim Ministru kontra t-tkabbir bla ħtieġa tal-Freeport.”
Dan qalu ċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis, li żied jgħid li ma setax jonqos li r-residenti u n-negozji f’din iż-żona jilqgħu b’sodisfazzjon l-impenn tal-Gvern li ma jħallix żvilupp li jimpatta b’mod ħażin l-ambjent tal-madwar.
“Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tixhed il-bilanċ ġust li qed jintlaħaq taħt dan il-Gvern bejn l-iżvilupp ekonomiku, l-ambjent u l-kwalità ta’ ħajja,” saħaq Silvio Parnis. Waqt li l-Freeport tibqa industrija importanti li toffri sostenibbilta u impjiegi għal pajjiżna, l-amministrazzjoni trid tieħu ħsieb li l-qagħda soċjali u ambjentali tkun dik li jixirqilha l-kommunita ta’ Birżebbuġa.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultativ għan-Nofsinhar ta’ Malta qiegħed jingħaqad mal-pożizzjonijiet tal- Front Ħarsien ODZ u tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa f’appoġġ lejn ir-rieda tal-Gvern li l-art okkupata mill-Freeport ma tkomplix tespandi.
“In-nies ta’ Birżebbuġa u l-madwar ma jistgħux jiffaċjaw iktar inkonvenjent u għalhekk huwa pożittiv li l- Gvern ikompli jkun qrib ir-residenti, inkluż fil-kumpens ambjentali magħrufa bħala Planning Gain, filwaqt li jkompli jwettaq proġetti pożittivi bħall-football pitch u l-waterpolo pitch f’Birżebbuġa u r-riġenerazzjoni f’Marsaxlokk”, qal Silvio Parnis.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultativ għan-Nofsinhar ta’ Malta qal li l-Gvern qed ipoġġi n-naħa t’isfel ta’ Malta fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Dan se jwassal għal ambjent iktar xieraq, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, investiment, u fuq kollox ġustizzja ma’ din il-parti tal-pajjiż,” sostna Silvio Parnis.
F’dan il-kuntest, wieħed ma jifhimx il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jrid li jikber id-daqs tal-Freeport.
Wara kampanja sħiħa li art ODZ m’għandha qatt tintmess lanqas għal skopijiet edukattivi, issa l-istess Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux problema b’estensjoni tal-Freeport fuq art ODZ. Din m’hija xejn ħlief politika ta’ inkonsistenza li l-vittmi tagħha jkunu n-nies li jiffaċjaw l-impatt negattiv jekk jitwettaq il-pjan tal- Oppożizzjoni li qed jaspira li jkun fil-Gvern.