Kmieni dalgħodu, in-Nature Trust ġew informati li l-bieraħ filgħaxija, fekruna tat-tip ‘Loggerhead’ telgħet l-art fuq ir-ramla ta’ Golden Bay u biedet bejn 40 u 100 bajda, li difnet fir-ramel.
Nature Trust Malta għamlu appell għall-volontarji sabiex jgħinu fl-għassa tal-bejta, sabiex jassiguraw li ma ssir ebda ħsara lill-bajd minn xi nies li jkunu qed jiffrekwentaw ir-ramla. Intant illum, anke membri tal-Pulizija qegħdin jaghtu daqqa t’id. Is-sit fejn jinsabu midfunin il-bajd ġie mmarkat u bħalissa jinsab mgħasses mill-Pulizija.
Fil-kumment fuq Facebook fejn Nature Trust talbu għall-għajnuna ta’ volontieri, huma saħqu li “issa rridu noħolqu ‘roster’ biex ngħassu l-bejta, bħal ma kien sar fil-Ġneja, peress li din tinsab f’nofs ir-ramla ta’ Golden Bay, f’post li minnhu jgħaddu ħafna nies.” qalu n-Nature Trust.
Kull min jixtieq joffri l-għajnuna tiegħu, huwa nkuraġġat jagħmel kuntatt ma’ Nature Trust Malta fuq [email protected] u [email protected]
Aktar ma jkun hemm volontiera, aktar ikun faċli biex Nature Trust toħloq ir-roster għall-għassa tal-bejta bejn il-volontiera u l-membri tal-Awtorità tar-Riżorsi Ambjentali.
L-għassa se tkun neċessarja li sseħħ tul is-70 ġurnata li jmiss, li skont Nature Trust, huwa l-perjodi neċessarju sabiex il-bajd ifaqqsu.
Fl-2012, in-Nature Trust kienu ħolqu sistema simili bl-għajnuna ta’ volontieri li kienu għassu bajd ta’ fekruna li biedet fil-bajja tal-Ġnejna.