Jekk se tidħol l-isptar… tinsiex tieħu t-tablet

Fix-xhur li ġejjin, f'Mater Dei se tibda sistema ta' WIFI madwar l-isptar kollhu għall-benefiċċju tal-pazjenti, l-viżitaturi u l-ħaddiema

Il-pazjent se jkun jista’ jara t-televiżjoni jew juża l-internet fil-kumdità tas-sodda permezz tat-tablet  tiegħu
Il-pazjent se jkun jista’ jara t-televiżjoni jew juża l-internet fil-kumdità tas-sodda permezz tat-tablet tiegħu

Fil-ġranet li għaddew tħabbar li fl-isptar Mater Dei, se tinbidel is-sistema fejn fil-kmamar tal-isptar se jitneħħew is-settijiet tat-televiżjoni u jinbidlu għal sistema ta’ WIFI, fejn il-pazjent ikun jista’ jara t-televiżjoni jew juża l-internet fil-kumdità tas-sodda permezz tal-apparat elettroniku bħal tablet, laptop, jew smartphone tiegħu.

L-ILLUM ġiet infurmata bit-tħassib ta’ diversi persuni dwar l-użu tas-sistema l-ġdida, speċjalment fejn jidħlu pazjenti anzjani biex jużaw apparat elettroniku bħal tablets u laptops. Għaldaqstant, din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-Isptar Mater Dei u d-Dipartiment tas-Saħħa sabiex titkixxef aktar dwar is-sistema l-ġdida ta’ WIFI li qiegħda tiġi installata fl-isptar.

Ivan Falzon, CEO tal-Isptar Mater Dei, tkellem mal-ILLUM u spjega fuq kollox dwar il-bżonn li kien hemm biex issir bidla fis-sistema u avvanz fit-teknoloġija. Falzon spjega kif is-settijiet tat-televiżjoni li kienu jinsabu fil-kmamar tal-isptar kienu ilhom hemm mill-2007, u bħalma jiġri lil kull apparat elettroniku tul iż-żmien, l-apparat skada u beda jġarrab xi ħsara. 

Falzon irrimarka wkoll li bis-sistema l-antika, kien hemm biss 650 televiżjoni li setgħu jaqdu biss 650 pazjent; numru ferm iżgħar mill-eluf ta’ nies li jidħlu u joħorġu mill-isptar kuljum.

“Is-servizz il-ġdid se jkun bla limitu,” saħaq Falzon, “u lanqas limitat għall-użu tal-pazjenti biss, iżda għal kull min jiffrekwenta l-isptar, mingħajr il-limitazzjoni tas-settijiet.” Falzon spjega kif l-isptar se joffri servizz tal-internet u televizjoni permezz tal-WIFI li kulħadd jista’ jgawdi minn fuq l-apparat personali tiegħu.

L-internet se jkun b’xejn fil-maġġorparti tal-isptar 

Minn informazzjoni mogħtija mid-dipartiment tas-saħħa, din il-gazzetta tinsab infurmata li s-servizz ta’ WIFI se jkun b’xejn fl-Emerġenza, l-Outpatients, ir-Reception prinċipali tal-isptar, kif ukoll fis-swali tat-tfal. 

Fis-swali l-oħra, il-WIFI se jkun offrut għall-prezz ta’ €2.50 għall-24 siegħa. 

Biex pazjent ikollu s-servizz ta’ stazzjoni tat-televiżjoni fuq it-tablet tiegħu, dan jista’ jagħżel li juża applikazzjoni provduta mill-kumpanija li tipprovdi s-servizz, u għall-prezz ta’ €1 kuljum, jingħata aċċess għall-istazzjonijiet bażiċi. 

Dan ifisser li bis-sistema l-ġdida għal servizz tat-televiżjoni u WIFI tħallas €3.50 kuljum, filwaqt li qabel biex ikollok l-istess servizzi kont trid tħallas €5. Il-ħlas għas-sistema l-ġdida jkun jista’ jsir permezz ta’ vouchers li jinxtraw mir-reception jew inkella permezz ta’ ħlas dirett bil-karta tal-kreditu minn fuq it-tablet personali tal-pazjent stess.

Mistoqsi dwar il-faċilità tal-użu tal-applikazzjoni li biha jintwerew l-istazzjonijiet, Ivan Falzon, spjeġa li l-applikazzjoni li tintuża minn fuq kwalunkwe tablet jew apparat elettroniku ieħor hija sempliċiment verżjoni aktar moderna u interattiva tas-sistema li kien hemm qabel.

Huwa spjega li “s-settijiet tat-televiżjoni ta’ qabel, ma kienu xejn ħlief ‘touch-screens’ kbar ta’ teknoloġija antika.” Għaldaqstant, Falzon jemmen li ħadd m’għandu jkollu diffikultà jinnaviga fuq is-sistema l-ġdida, ibbażat fuq il-fatt li ħadd ma kellu diffikultà juża s-sistema l-antika għal dawn l-aħħar għaxar snin, inkluż l-anzjani.

“L-użu ta’ tablets u apparat elettroniku portabbli se jiffaċilità l-ħajja kemm għall-pazjenti, kif ukoll għall-ħaddiema,” qal Falzon, li sostna wkoll li għall-benefiċċju tal-pazjenti, se jkunu provduti ‘stands’ għall-apparat personali tagħhom.

WIFI fl-isptar se jkun ta’ benefiċċju biex xogħol kliniku jkun aktar effiċjenti

Minbarra l-aspett kummerċjali tas-sistema, li permezz tagħha pazjenti u viżitaturi jistgħu jgawdu minn servizz ta’ internet, l-għan prinċipali ta’ sistema WIFI madwar l-isptar kollu se jkun għall-‘bedside care’, il-kura mmedjata li tingħata lill-pazjenti, fejn permezz ta’ tablets jew smartphone, l-istaff ikunu konnessi man-network tal-isptar, bil-faċilità li servizzi bħal x-rays, bookings għal servizzi u talba għal riżultati, isiru b’mod sempliċi u malajr. “Dan se jagħmel ix-xogħol kliniku aktar effiċjenti,” li Falzon jisħaq li huwa l-għan prinċipali ta’ teknoloġija ġdida fl-isptar.

WIFI fl-isptar se jkun ta' benefiċċju biex xogħol kliniku jkun aktar effiċjenti
WIFI fl-isptar se jkun ta' benefiċċju biex xogħol kliniku jkun aktar effiċjenti

X’se jagħmel min m’għandux tablet jew laptop?

It-tħabbir ta’ din is-sistema l-ġdida qajjem xi ftit inkwiet u mistoqsijiet fost dawk li m’għandomx tablet jew laptop personali. Din il-gazzetta għaddiet dan it-tħassib lid-Dipartiment tas-Saħħa, li rrisponda li bħalissa l-Isptar Mater Dei qiegħed anke jikkunsidra sħubiji ma’ kumpaniji privati li jkunu interessati joffru servizz ta’ kiri ta’ tablets jew laptops mill-isptar stess.

Is-CEO tal-Isptar jemmen li bis-sistema l-ġdida, is-servizz se jitjieb u l-affarijiet se jmorru ’l quddiem. Huwa stqarr li s’issa wara l-ewwel ġimgħa ta’ prova tas-servizz, kollox jinsab miexi tajjeb u ma kien hemm ebda lment. Fix-xhur li ġejjin, l-inginiera se jkunu qegħdin jadattaw is-sistema bbażat fuq l-ammont ta’ użu f’żoni differenti tal-isptar u jagħmlu tibdiliet neċessarji bbażat fuq ir-rispons li jirċievu minn pazjenti, viżitaturi u impjegati.

Is-sistema se tkun imnedija b’mod finali kemm għall-użu kummerċjali kif ukoll għal dak kliniku mill-ewwel ta’ Ottubru ta’ din is-sena. 

More in Socjali