B’somma ta’ €49.95 fis-sena biss, sid ta’ żiemel illum jista’ jkun kopert minn polza ta’ assikurazzjoni li tkopri r-riskji ta’ terzi għall-ammont ta’ €125,000 fi ħsarat imġarrba mill-persuna l-oħra involuta. Għall-ammont ta’ €84.97, il-polza tkopri ammont ta’ €250,000 fi ħsarat imġarrba minn terzi persuni.
L-ILLUM kisbet din l-informazzjoni mingħand il-kumpanija tal-assikurazjoni ‘Island Insurance’ li qegħdin joffru l-poloz tagħhom lis-sidien taż-żwiemel u karrozzini li huma membri fl-Għaqda Żwiemel u Kultura.
Il-kumpanija toffri wkoll skont ta’ 10 fil-mija għas-sidien li jassikuraw aktar minn żiemel wieħed.
L-assikurazzjoni għas-sidien taż-żwiemel, li bħal-liċenzji se tkun obbligatorja minn Settembru li ġej, se tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd għax issa se tpoġġi s-sidien taż-żwiemel fuq l-istess livell u bl-istess drittijiet tas-sewwieqa tal-karozzi.
Dan ifisser li issa f’każ ta’ incident bejn karozza u vettura miġbuda minn żiemel, iż-żewġ partijiet se jkollhom l-istess drittijiet li jagħmlu talba għall-assikurazzjoni, fejn l-assikurazzjoni tal-parti ħatja se tkun responsabbli li tkopri d-danni tal-parti l-oħra. Filwaqt li dan jinstema’ ovvju, għax huwa n-norma f’inċident bejn żewġ karozzi, s’issa f’każ ta’ żwiemel, l-assikurazzjoni kienet biss għażla.
Id-dritt li qatt ma tilef iż-żiemel biex juża t-triq issa ġie legalizzat
Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ rappreżentanta mill-Għaqda Żwiemel u Kultura, li stqarret li l-għaqda laqgħet b’mod pożittiv ħafna l-introduzzjoni tal-liċenzji u assikurazzjoni għas-sidien taż-żwiemel.
Hija saħqet li l-użu tat-toroq huwa dritt li qatt ma tilef iż-żiemel, u li issa flaħħar ġie legalizzat.
Min-naħa tal-għaqda, intweriet ix-xewqa li minbarra l-infurzar dwar il-liċenzji u l-ubbidjenza tal-liġijiet tat-traffiku, għandha ssir kampanja nazzjonali ta’ edukazzjoni biex teduka s-sewwieqa kif għandhom iġibu ruħhom meta jaraw żiemel fit-triq.
Is-salvagwardjar taż-żwiemel għandu jingħata aktar importanza fl-imġiba tas-sewwieqa kollha li jużaw it-toroq Maltin.
F’dan il-pajjiż, qisu li fit-toroq għadha tgħodd il-liġi tal-ġungla, li min għandu l-ikbar vettura jieħu d-dritta, u fejn trakk jabbuża minn karozza, li minn naħa tagħha tabbuża minn mutur, u kollha f’daqqa ma jurux rispett lejn iż-żwiemel.
Is-sewwieqa, kif ukoll is-sidien taż-żwiemel, u anke l-pedonali, għandhom bżonn jiġu edukati dwar kif jikkoeżistu flimkien fit-toroq, mingħajr ma jirfsu fuq id-drittijiet jew il-bżonnijiet ta’ xulxin.
L-infurzar tal-liċenzji u assikurazzjonijiet kien biss l-ewwel pass pożittiv, għall-benefiċċju ta’ kulħadd, b’mod speċjali taż-żwiemel, li jista’ jmur biss għall-aħjar jekk minbarra l-liċenzji, is-sewwieqa kollha jkollhom ukoll aktar edukazzjoni u rispett lejn xulxin.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-ILLUM irrapurtat dwar il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet meħtieġa mil-liġi sabiex sid ta’ żiemel jew vettura miġbuda minn żiemel jakkwista l-liċenzja. Infatti Transport Malta kienet infurmat lil din il-gazzetta li bħala parti mill-proċess għall-kisba tal-liċenzja, is-sewwieqa taż-żwiemel se jkollhom jattendu numru ta’ lezzjonijiet u jridu jgħaddu minn test qabel jiġu liċenzjati. Dan huwa diġà pass pożittiv li jiżgura li tal-inqas qabel wieħed joħroġ b’żiemel fit-triq, ikollu livell ta’ tagħrif u edukazzjoni. Il-pass li jmiss għandu jkun li t-taħriġ jiġi estiż fuq livell nazzjonali, biex ikopri lil kull min juża t-triq u jaqsamha ma’ ħaddieħor.