Waqt żjara fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana flimkien mas-Sindku Dominic Grima u l-kunsilliera, attendew għall-attività li ttellgħet mit-tfal ta’ SkolaSajf u mill-anzjani li jattendu dan iċ-ċentru.
Waqt din l-attività ħelwa bit-tema ‘Nirrispettaw lil Kulħadd’, it-tfal u l-anzjani qasmu flimkien l-esperjenzi reċiproċi tagħhom.
Fid-diskors tagħha, Caruana qalet li dan iċ-ċentru huwa wieħed minn ħames ċentri ġodda li nfetħu fl-aħħar xhur fejn appuntu beda programm ta’ anzjanità attiva. Hija ħabbret li f’dan iċ-ċentru, b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali, se jiżdied il-programm ta’ anzjanità attiva b’attivitajiet u b’sessjonijiet ta’ taħriġ sabiex l-anzjani jkomplu jitgħallmu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, u b’hekk jgħixu ħajja iktar indipendenti u ta’ kwalità.
Attivitajiet interġenerazzjonali huma parti mill-istrateġija tal-anzjanità attiva u jservu mhux biss biex iqarrbu ġenerazzjoni lejn oħra, imma wkoll biex jitwasslu l-għerf u l-esperjenza li għandhom l-anzjani tagħna għand dawk fil-bidu tal-ħajja. Fl-istess waqt inrawmu lit-tfal u nesponuhom minn ċkunithom għall-valur tant importanti tas-solidarjetà. Irridu nivvalorizzaw lit-tfal għax huma parti mis-soċjetà tagħna u allura rridu nagħtuhom kull spazju mhux biss biex ikollhom leħen imma wkoll sabiex minn issa jkunu ċittadini attivi.
Is-Segretarju Parlamentari ringrazzjat lis-sindku tal-kooperazzjoni sħiħa tiegħu, lit-tmexxija ta’ SkolaSajf għal dan il-proġett tant sinifikanti u lit-tfal u lill-anzjani li pparteċipaw f’dan il-proġett. Hija awgurat iktar kollaborazzjoni mal-kunsill fiż-żmien li ġej.
Min-naħa tiegħu s-Sindku Dominic Grima rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-kollaborazzjoni b’saħħitha li nibtet bejn il-kunsill u s-segretarjat u awgura li jsiru iktar proġetti b’risq l-anzjani ta’ Raħal Ġdid fejn il-popolazzjoni anzjana hija ta’ madwar sebgħin fil-mija.