Kunsill bla finanzi biex iġib skip...

Resident jilmenta li l-kunsill ta' Birkirkara għażel li juża l-fondi fuq sistema ta' CCTV u dwal minflok iżid in-numru ta' skips.
Il-Kunsill jirrispondi dwar il-ġlieda kontinwa tagħhom kontra min iħammeġ u jikser il-liġi

Il-bring in site tinsab fl-għeqqel tas-sajf fost dubbien u ġrieden li qed jinġabru fil-madwar kawża tal-ħmieg
Il-bring in site tinsab fl-għeqqel tas-sajf fost dubbien u ġrieden li qed jinġabru fil-madwar kawża tal-ħmieg

Dalgħodu, l-ILLUM ġiet infurmata minn resident mis-Swatar, Birkirkara dwar sitwazzjoni ta' nuqqas ta' skips, fi 'bring-in sites' fil-madwar.

Il-persuna li kitbet ittra lil din il-gazzetta saħqet li ftit tax-xhur ilu, huwa kien kiteb lill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara rigward skips li hemm fi Triq tal-Qattus, Swatar, fejn talab li dawn l-iskips jiġu mbattla u mnaddfa aktar ta' spiss, minħabba li ta' sikwiet kienu qed ikunu mfawwra.

Jidher li s-sitwazzjoni tranġat għal ftit taż-żmien, iżda mbgħad ftit wara, l-kunsill installa cameras u ammont ta' flood-lights fiż-żona u flok żewġ skips, issa qed ikun hemm waħda biss, li f'kemm trodd salib timtela' u mhux qed titnaddaf b'mod frekwenti kemm hemm bżonn.  

Il-persuna li tkellmet ma' din il-gazzetta, talbet spjegazzjoni lill-kunsill dwar l-għaliex ma tpoġġewx aktar skips. Huwa stqarr li l-kunsill qalulu li "hi problema ta' finanzi..."

 Allura, saħaq dan ir-resident frustrat, "il-kunsill kellu finanzi biex jagħmel sistema' ta CCTV u dwal mixgħul lejl sħiħ...u mhux biex ipoġġi skip."

Huwa kompla jikteb li skont hu, din hija kwistjoni ta' mmaniġġjar ħażin ta' fondi, fejn qegħdin jintefqu aktar flus fuq l-infurzar u biex jinġabru ċitazzjonijiet, milli biex jiġi offrut servizz diċenti lir-residenti.

Il-Kunsill ta' Birkirkara jirrispondi

Din il-gazzetta għamlet kuntatt mall-kunsill lokali ta' Birkirkara, fejn spjegat l-ilment ta' dan ir-resident lis-segreatrju tal-Kunsill, is-Sur Neil Spiteri.

Spiteri spjega li l-kunsill għaddej bi ġlieda kontinwa kontra l-ħmieġ f'Birkirkara u qal li minkejja li l-kunsill joffri servizzi varji għall-immaniġġjar tal-iskart f'Birkirkara, ma jsibux il-koperazzjoni tar-residenti kollha.

Is-segretarju saħaq kif il-kunsill joffri servizz ta' ġbir ta' skart ġoff (Bulky refuse) b'xejn, iżda minkejja dan, xorta jsibu numru ta' affarijiet kbar bħal saqqijiet u skart goff ieħor mormijin fil-bring-in-sites.

Il-Kunsill joffri wkoll sistema ta' ġbir ta' skart separat fi granet differenti tal-ġimgħa, fejn kull tliett ijiem jinġabar dak organiku, u fil jumejn l-oħra dak riċiklabbli. Minkejja dawn l-isforzi, ħafna residenti xorta joħorġu l-organiku kuljum, jew imorru jarmuh fi bring-in-site fil-ġranet fejn ma jinġabarx.

Il-Kunsill ħass li l-aħjar mod biex inaqqas dan l-abbuż huwa permezz ta' sorveljanza bil-cameras u bl-għotja ta' multi lil min iħammeġ u jabbuża mis-sistema.

Spiteri stqarr li "il-ġlieda tagħna kontra l-iskart qegħda kullimkien, ma kull site u ma kull residenza li ma tikkoperax mall-ħrug tal-iskart separat."

Il-Kunsill xtaq ukoll jappella lill-Pulizija u l-gvern ċentrali, lil min jintbgħatu l-filmati tas-CCTV, sabiex tittieħed azzjoni aħjar u aktar immedjata kontra dawk li jiksru l-liġi u jħammġu Birkirkara, b'rispett għar-residenti li jimxu mar-regoli, ma jħammġux u jisseparaw l-iskart.

More in Socjali